Internazzjonali

Ġappun: Ħidma ta’ salvataġġ intensiva wara l-maltemp tat-tifun

Għexieren tal-eluf tat-truppi, fl-aħħar sigħat, kienu qegħdin jappoġġjaw lill-iskwadri tas-salvataġġ fost impenn urġenti għall-għajnuna lill-poplu wara li Tifun Hagibis laqat in-nofsinar ta’ Tokjo waqt li avvanza lejn it-Tramuntana tal-pajjiż fejn ikkaġuna għargħar katastrofiku.

L-aħħar rapporti konfermaw li mietu talanqas 23 persuna fil-maltempata – waħda mill-agħar li qatt laqtet il-Ġappun għal għexieren ta’ snin – bl-iskwadri għall-emerġenza jkomplu t-tfittxija għal numru ta’ persuni rappurtati mejta.

Fid-distrett ta’ Nagano,fiċ-ċentru tal-Ġappun, il-ħelikopters salvaw lir-residenti li kienu telgħu fuq il-bjut ta’ djarhom biex jevitaw l-għargħar terribbli. Dan waqt li n-network tal-bullet trains famużi tal-Ġappun spiċċa litteralment iċċirkondat bl-ilma.

L-aħħar rapporti qalu li ‘il fuq minn 27,000 suldat u entitajiet tas-salvataġġ kienu involuti fl-impenji tal-għajnuna fi bnadi diversi tal-Ġappun.

Filwaqt li l-maltemp beda jbatti, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, sostna li l-Gvern tiegħu se jagħmel l-almu biex jgħin lin-nies affettwati mill-‘elementi traġiċi’ waqt li qal li kien lest biex, f’każ ta’ bżonn, isostni dan l-impenn  ‘b’aktar truppi’.

Fil-belt ta’ Kawogoe, lejn it-tramuntana ta’ Tokjo, l-iskwadri għall-emerġenzi użaw id-dgħajjes biex joħorġu r-residenti ta’ djar għall-anzjani minn zona koperta bl-għargħar.

Intant, mal-150,000 resident fil-madwar ta’ Tokjo spiċċaw mingħajr dawl – b’ċerti nħawi anki jbatu nuqqasijiet fil-provvista tal-ilma u x-xorb. Madankollu, komplew mill-ġdid it-titjiriet, flimkien mas-servizzi bil-ferrovija, ladarba bdiet tbatti t-theddida ta’ ‘Hagibis’.

Skont ir-rapporti, ħafna mill-imwiet kienu ta’ persuni li ntradmu taħt il-valangi inkella spiċċaw imkaxkrin mill-għargħar.