Lokali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA TIKKONFERMA: Pagi inqas mill-medja Ewropea għal-edukaturi f’Malta

Studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li l-għalliema f’Malta huma mħallsa inqas mill-medja ta’ 42 pajjiż fl-Ewropa.

L-istudju sab li edukatur f’Malta jibda bi żvantaġġ ta’ kważi €3,000 meta mqabbel ma’ kollegi minn pajjiżi oħra.

Waqt li f’Malta s-salarju tal-għalliema tal-Primarja jibda minn ftit iktar minn €22,600, il-medja fil-pajjiżi Ewropej hi ta’ iktar minn €25,600.

Il-paga tal-għalliema Maltin hi ferm inqas minn dik ta’ pajjiżi Ewropej oħra, fosthom il-Lussemburgu fejn l-għalliema jaqilgħu iktar minn €72,000, id-Danimarka fejn l-għalliema jirċievu iktar minn €52,500 u l-Ġermanja b’iktar minn €48,600.

Iżda minkejja dan, fir-reazzjoni tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddikjara li sar ħafna xogħol biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għalliema.

Din l-aħbar issegwi l-kummenti tal-Ministru Evarist Bartolo, li fl-aħħar jiem qabad żewġ pajjiżi u użahom bi skuża biex jiftaħar li l-pagi f’Malta huma ogħla minn tagħhom.

Il-kummenti tiegħu ġabu rabja fost l-edukaturi hekk kif akkużawh li hu insensittiv lejhom u li qed jinjora l-bżonnijiet tagħhom.

Din kienet it-tieni darba fi ftit jiem li l-kummenti tal-Ministru tal-Edukazzjoni deheru insensittivi lejn l-għalliema, wara li ddikjara wkoll li m’hawnx nuqqas ta’ għalliema.Dan minkejja li diversi skejjel jinsabu b’nuqqas ta’ għalliema, fosthom fil-Matematika, Ingliż u l-Informatika.