Lokali

Investigazzjoni dwar il-bejgħ tal-passaporti

Il-Pulizija fetħet investigazzjoni dwar l-akkużi ta’ influwenza politika fil-bejgħ tal-passaport Malti. Dan wara dikjarazzjonijiet serji fil-konfront ta’ ditta legali li nkixfet f’filmat ta’ stazzjon Franċiż li fl-aħħar jiem ħammar wiċċ Malta.

Is-sieħeb fundatur tal-kumpanija, Jean-Philippe Chetcuti, ġie ffilmjat bil-moħbi jiftaħar bil-konnessjonijiet politiċi tiegħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia.

Skont il-gazzetta MaltaToday il-pulizija issa talbet bosta fajls tal-klijenti kollha li Chetcuti Cauchi kien ippreżenta lill-Aġenzija Malta IIP bħala applikanti għall-passaport Malti.

 L-għan huwa li jiġi verifikat jekk kienx hemm influwenza fit-tmexxija tan-negozju u jekk hemmx każ kriminali.

Fl-aħħar jiem, il-Kamra tal-Avukati rreferiet l-allegat ksur ta’ kondotta tal-kumpanija lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga allegati ksur tal-kodiċi ta’ kondotta.

Min-naħa tiegħu Chetcuti ddikjara li qatt ma wiegħed li jikseb “xi vantaġġ illegali” għall-klijenti tiegħu jew li tkellem mal-politiċi biex jintervjenu illegalment.

Dan minkejja li fil-programm tat-TV Franċiż, Chetcuti tkellem fit-tul dwar ir-rapport tiegħu mal-politiċi u l-qraba tagħhom.

Hu nkixef jgħid li Julia Farrugia Portelli hija ħabiba tat-tfulija ta’ martu u li kien l-iskola mal-Prim Ministru fost oħrajn.

Dan apparti li stazzjon ieħor kien kixef kif dawk li qed jixtru l-passaport mhux vera qed jgħixu f’Malta, kif inhi waħda mill-kundizzjonijiet.

Minkejja dan, il-Gvern għadu jaħrab milli jerfa’ r-responsabbiltà u jissospendi l-bejgħ tal-passaport Malti.