MALTA…………………….. 7 RUMANIJA……………………. 13
(2-3), (2-3), (2-4), (1-3)
Tkeċċija tal-captain Stevie Camilleri f’nofs il-logħba kienet kruċjali għar-riżultat finali. Ir-rebħa tar-Rumanija kienet meritata minħabba li kienu aktar preċiżi u komplessivament huma tim aħjar. Żgur li t-tim Malti ta l-aħjar tiegħu fiċ-ċirkostanza ta’ deċiżjonijiet tar-referees li f’xi azzjonijiet kienu diskutibbli.
Aspett negattiv fil-logħba kien in-numru ta’ sitwazzjonijiet b’raġel aktar li t-tim Malti ma skorjax minnhom, b’total ta’ tliet gowls biss minn 12-il okkażjoni. Minkejja din it-telfa, Malta xorta kkwalifikat għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew wara li aċċertat postha mal-aqwa 16 għat-tielet edizzjoni konsekuttiva wara r-rebħa tas-Sibt kontra l-Portugall.
Ir-Rumeni urew li huma aħjar mit-tim Malti mill-bidu u għalkemm damu biex fetħu l-iskor, kienu aktar perikolużi. Iżda wara li Andrei Prioteasa skorja l-ewwel gowl, Stevie Camilleri ġab id-draw f’azzjoni maħduma tajba. Tudor Fulea u Andrei Prioteasa taw vantaġġ doppju lir-Rumanija, sakemm Matthew Zammit naqqas id-distakk b’xutt potenti minn man-up.
Fit-tieni sessjoni t-tim Malti tjieb, kien aktar dixxiplinat, qasam il-logħob u anki kien għaqli biżżejjed biex skorja gowl minn kontrattakk permezz ta’ Stevie Camilleri, li skorja ż-żewġ gowls ta’ Malta fis-sessjoni, bit-Rumanija ttemm is-sessjoni 6-4. Il-logħba ġiet kompromessa lejn tmiem din is-sessjoni hekk kif ir-referee ddeċieda li juri l-karta l-ħamra lil Stevie Camilleri f’deċiżjoni kontroversjali.
Minkejja din l-assenza, it-tim ta’ Karl Izzo baqa’ jilgħab il-logħba tiegħu u seta’ żamm aktar distakk minimu mal-avversarji li kieku ttieħdu l-okkażjonijiet ta’ raġel aktar. Malta skorjat biss darba minn erba’ okkażjonijiet filwaqt li Dino Zammit falla penalty f’mument fejn l-iskor seta’ ġie 8-6. Għat-tim Malti skorjaw b’mod konsekuttiv Matthew Zammit u Jordan Camilleri bejn l-erba’ gowls tal-avversarji. Fl-aħħar sessjoni r-Rumeni komplew jikkontrollaw il-vantaġġ, biż-żewġ nazzjonijiet jiskorjaw man-up minn żewġ okkażjonijiet.
Malta: N. Grixti, J. Gabarretta, M. Spiteri Staines, G. Pace, Da. Zammit, M. Zammit (2), S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela (1), A. Cousin, B. Plumpton, Di. Zammit, A. Borg Cole
Rumanija: M. Tic, L. Vancsik, T. Negrean (3), M. Gheorghe (4), V. Antipa, A. Prioteasa (2), V. Georgescu, T. Fulea (1), V. Dragomirescu (1), N. Oanta (2), A. Ghiban, I. Szabo, S. Abrudan
Referees: Ruben Garcia (Żvizzera), Sebastien Dervieux (Franza)
//= $special ?>