Sport Waterpolo

Karl Izzo jikkritika l-kontroll tar-referees fit-telfa kontra r-Rumanija

(Ritratt: Georgia Aquatic Assocation)

Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo kien kritiku lejn il-kontroll tal-uffiċjali tal-logħba, fit-telfa ta’ 13-7 kontra r-Rumanija. It-tim Malti lagħab għal nofs sessjoni mingħajr il-captain Stevie Camilleri li tkeċċa minħabba li fi kliem Izzo, Camilleri tkellem ma’ wieħed mill-plejers tiegħu. Dan minbarra diversi deċiżjonijiet oħra li marru kontra t-tim Malti. Izzo sejjaħ ċertu żbalji bħala bażiċi tar-regoli tal-waterpolo.

“Jiena kuntent bil-prestazzjoni, lgħabna kontra tim qawwi u dan jawgura tajjeb għall-futur għax nistgħu nilagħbu ma’ timijiet li qegħdin ftit aktar fuqna u tinsiex lagħbna l-aħħar sessjoni mingħajr Matthew Zammit u nofs logħba mingħajr Stevie Camilleri tnejn mill-aqwa plejers li għandna.”

Aspett li t-tim Malti kien negattiv fiha kien fil-man-ups, bil-plejers Maltin jiskorjaw biss fi tliet okkażjonijiet minn ħdax. “Affettwa ħafna għax konna nġibu riżultat ħafna aħjar. Il-man-ups huma parti importanti mil-logħba tal-waterpolo. Kellna man-ups għaliex għandna min iġibilna man-ups fl-attakk, Stevie, Matthew ġab ħafna u fis-centre wkoll. Ilbieraħ konna aħjar imma dawn huma affarijiet li rridu naħdmu fuqhom.”

Issa l-plejers li jirritornaw mal-klabbs tagħhom biex anki jistrieħu għaliex ħafna minnhom ilhom għaddejjin għal żmien twil. F’Novembru, Karl Izzo jibda jaħdem mat-tim fil-gym u flimkien mal-fiżjoterapist Edward Bonello. Minn Diċembru t-tim jibda jitħarreġ b’mod intensiv, bil-plejers Maltin li jilagħbu barra, jingħaqdu mal-kumplament tal-iskwadra minħabba li jieqfu wkoll il-kampjonati ta’ barra. Dan minbarra li Izzo għandu l-ħsieb li jġib xi timijiet f’pajjiżna għall-partiti ta’ ħbiberija minbarra kamp ta’ taħriġ barra minn Malta.