Internazzjonali

Polonja: Il-partit fil-Gvern favorit għal mandat ġdid

Il-Pollakki, illum, ivvutaw f’elezzjoni li mistennija tirriżulta f’tieni mandat ta’ poter għall-Partit għal-Liġi u l-Ġustizzja (PiS). L-osservaturi jemmnu li rebħa oħra għal dan il-partit kapaċi żżid l-iżolament tal-Polonja, fost it-tħassib tal-Unjoni Ewropea dwar kemm it-Tmexxija f’Varsavja hi tassew impenjata biex tirrispetta l-kriterji tad-demokrazija.

Mistenni li l-PiS jirbaħ aktar voti milli kiseb fl-2015, waqt li mhux eskluż li l-partit inkwistjoni jikseb biżżejjed siġġijiet fil-Parlament biex ikompli jiggverna waħdu. Madankollu, il-partit fil-Gvern, fl-aħħar erba’ snin, ippresieda fuq bidliet fil-klima politika li ħallew lill-Polonja bħala Stat polarizzat.

Il-Partit PiS qed jirreferi għall-elezzjoni bħala għażla bejn soċjetà li tibbaża fuq il-valuri Kattoliċi tradizzjonali u ( fuq in-naħa l-oħra) ordni liberali li tippromwovi ‘ftit magħżulin’ minbarra li xxekkel il-ħajja għall-familji.

Il-partiti tal-Oppożizzjoni u s-sieħba tal-UE, sadanittant, qed jirribattu li l-Gvern Pollakk, fl-aħħar erba’ snin, tellef l-indipendenza tal-ġudikatura u l-media f’pajjiżu, bil-Polonja ‘tinbidel f’pajjiż li ma jilqax daqstant lill-minoranzi etniċi’.

L-aħħar stħarriġ kien qed juri li l-PiS ta’ Jaroslaw Kaczynski għandu jirbaħ bejn 40 u 46 fil-mija tal-voti għal maġġoranza assoluta. Madankollu, il-partit xorta jista’ ikollu bżonn koalizzjoni u dan ix-xenarju jqajjem il-possibbiltà li l-Konfederazzjoni estremista tal-lemin (wieħed minn tliet gruppi żgħar li kapaċi jiksbu l-minimu ta’ ħamsa fil-mija tal-voti għal rappreżentanza fil-Parlament) issir parti mill-amministrazzjoni ġdida.