Internazzjonali

Sirja: Jaħarbu l-mijiet ta’ barranin assoċjati mal-ISIS fost l-offensiva tat-Torok

Mijiet ta’ barranin affiljati mal-grupp terroristiku ISIS ħarbu minn kamp lejn it-tramuntana tas-Sirja, fost l-offensiva li l-militar tat-Turkija qed imexxi fuq il-qawwiet Kurdi f’dik iz-zona. Dan seħħ wara li l-priġunieri assedjaw l-entratura tal-kamp ta’ Ain Issa waqt li l-ġlied kien għaddej fil-madwar.

It-Turkija, il-ġimgħa l-oħra, bdiet offensiva kbira bil-ħsieb li tkeċċi lill-qawwiet tal-Kurdi mal-grupp SDF (alleat mal-Istati Uniti kontra l-ISIS) mill-inħawi speċifiċi. B’kaġun tal-offensiva ħarbu mal-130,000 resident minn djarhom, bin-Nazzjonijiet Uniti twissi li ċ-ċifra tar-refuġjati kapaċi togħla fis-sigħat u l-jiem li ġejjin.

It-Turkija, filwaqt li qed takkuża lill-Kurdi bħala terroristi, tinsisti li trid tisforzahom lura minn ‘zona ta’ sigurtà’ li fost oħrajn tkopri xi 30 kilometru ta’ art Sirjana. Dan bil-ħsieb li aktar minn tliet miljun refuġjati Sirjani li, fil-preżent, qegħdin jgħixu fit-Turkija, jispiċċaw rilokati fiz-zona partikulari.

Id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, biex jirtira lit-truppi Amerikani minn dik iz-zona effettivament wasslet għall-inkursjoni tal-qawwiet Torok kontra l-Kurdi tal-SDF.

Intant, il-ħarba ‘tal-ISIS’ mill-kamp hi lok għall-allarm meta d-dettalji għadhom qed joħorġu. Filwaqt li xi osservaturi fissaw in-numru tal-maħruba madwar il-mija, l-awtoritajiet Kurdi sostnew li, fil-fatt, ‘irnexxielhom jaħarbu mat-800 qraba tal-ġellieda barranin mal-ISIS’.

Il-kamp ta’ Ain Issa iservi bħala residenza għal xi 12,000 refuġjat li kienu jinkludu mal-1,000 nisa u tfal b’rabtiet mal-ġiħadisti. L-amministrazzjoni tal-Kurdi, sadanittant, qalet li dan il-kamp, fl-aħħar sigħat, spiċċa mingħajr gwardjani minħabba l-offensiva tat-Torok.

Il-Kurdi ilhom iwissu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistgħux jiggarantixxu s-sigurtà tal-eluf tal-elementi suspettati bħala membri tal-ISIS. Fil-fatt, l-uffiċjali Kurdi qalu li l-azzjoni militari tat-Turkija ‘qed tippermetti biex l-ISIS jorganizza ruħu mill-ġdid fis-Sirja’ – u bit-Turkija twieġeb li ‘għandha tieħu responsabbiltà għall-priġunieri tal-ISIS li jsibu s-suldati tagħha waqt l-offensiva’.

L-SDF itenni li qiegħed iżomm ‘il fuq minn 12,000 membru suspettat tal-ISIS ġo seba’ ħabsijiet u li talanqas 4,000 minnhom huma barranin. Il-lokalitajiet tal-ħabsijiet ma kenux żvelati iżda mifhum li wħud jinsabu qrib il-fruntiera tat-Turkija.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-ġlied intensifika madwar il-belt Sirjana ta’ Ras al-Ain fost ir-rakkonti konfliġġenti dwar ‘liema naħa ħadet il-kontroll fl-inħawi’. It-Turkija qalet li l-militar tagħha u r-ribelli Sirjani alleati kienu konsolidaw posthom fiċ-ċentru ta’ Ras al-Ain, iżda l-qawwiet Kurdi tal-SDF ċaħdu li l-belt kienet waqgħet ‘lill-għadu’.