Internazzjonali

Vatikan: Il-Kardinal Newman isir l-ewwel Ingliż kanonizzat f’ħamsin sena

Il-Kardinal John Henry Newman kien iddikjarat qaddis mill-Knisja Kattolika waqt ċerimonja fi Pjazza San Pietru. Iċ-ċerimonja kienet iċċelebrata mill-Papa Franġisku u għaliha attendew l-eluf tad-devoti.

Il-Prinċep Charles, ta’ Wales, kien preżenti għall-quddiesa tal-kanonizzazzjoni u fejn erba’ nisa (rispettivament mill-Brażil, l-Indja, l-Italja u l-Iżvizzera) ukoll kienu dikjarati qaddisin mill-Knisja.

John Henry Newman, li miet f’Birmingham fl-1890, hu l-ewwel Ingliż li ġie dikjarat qaddis fi kważi 50 sena. Minbarra li hu baqa’ dejjem rappreżentant denju u kuraġġjuż tal-Knisja Kattolika, Newman kien magħruf ukoll bħala poeta u teologu.

Il-Vatikan jassoċja lil Newman — li fl-1845 ikkonverta mill-Knisja Anglikana għall-Kattoliċiżmu – ma’ żewġ mirakli. Wieħed mill-mirakli kien jinvolvu raġel li fieq minn marda serja f’dahru u bit-tieni miraklu ta’ fejqan jinvolvi mara li ma setgħetx tieqaf tnixxi d-demm.

Il-Kardinal Newman kien beatifikat, fl-2010, mill-Papa Benedittu waqt quddiesa fil-miftuħ li saret fil-belt ta’ Birmingham u wara li l-Knisja kienet rikonoxxiet l-ewwel miraklu assoċjat mal-kardinal.

Intant, eluf ta’ Britanniċi vjaġġaw lejn Ruma biex isegwu l-kanonizzazzjoni tallum fi Pjazza San Pietru.