Budget 2020 Lokali

Wegħdiet li qatt ma twettqu

Lejliet il-budget, il-poplu Malti u Għawdxi għadu jiftakar b’diversi wegħdiet li għamel Gvern Laburista iżda li baqgħu qatt ma twettqu.

Fost oħrajn il-proġetti tal-iskejjel fil-Qawra u fir-Rabat Għawdex, il-mediċini li jitqassmu fid-djar tan-nies, il-breakwater ta’ Marsaxlokk, il-ħelikopter u l-fast ferry service lejn Għawdex, id-dar tal-anzjani ta’ Għajnsielem u diversi proġetti oħra.

Imma matul il-ġurnata tal-Ħadd il-Prim Ministru Joseph Muscat ftaħar li jwettaq dak li jwiegħed.

Madanakollu, ftit qablu kien id-Deputat Alex Muscat stess li giddbu u kkonferma li dan mhux minnu … fi kliemu stess, kwart tal-budget tas-sena li għaddiet kien biss wegħdi fiergħa li ma seħħewx.

Joseph Muscat ammetta li s-surplus li tant jiftaħar bih mhux jitqassam b’mod ġust tant li ddikjara li hemm min ma gawdiex.

Ammetta wkoll li naqas liż-żgħażagħ, tant li ftit jiem wara li qal li jrid jagħmel lill-Maltin kollha sinjuri żgħar, issa jiddikjara li ż-żgħażagħ ma jaffordjawx jixtru proprjetà.

Fl-istess waqt, jammetti li proposta tal-Gvern Laburista biex il-karozzi kollha f’Malta jinbidlu għal dawk li jaħdmu bl-elettriku se ġġib aktar spejjeż.

Pero, Joseph Muscat ħareġ bi proposta li tant kien iżżufjetta biha meta kienet proposta minn Gvern Nazzjonalista – li d-dawl ikun irħas bil-lejl.

Mhux biss, Joseph Muscat ser jinsatalla postijiet fejn tiċċarġja l-karozza fil-pompi tal-petrol iżda ma spjegax x’għandu jagħmel is-sid sakemm din tiċċarġja għal sigħat sħaħ.

Fl-attività politika tkellem is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li ammetta li l-Partit Laburista hu li hu biss sakemm hemm Joseph Muscat.

Dan hekk kif fil-mument qed tkompli u tiħrax it-tellieqa għal min se jieħu post Muscat fiż-żmien li ġej, b’diversi esponenti tal-Partit Labusita li diġa għamlu l-intenzjoni tagħhom ċara.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalist qal li fl-istess ġimgħa fejn tħabbar li sieħeb Muscat James Piscopo ingħata ħalq ieħor minn fejn jiekol biex issa ser jibda jaqla mal-€100,000 fis-sena, illum Muscat mar jgħid illi l-ġid qiegħed imur għand kulħadd speċjalment għand dawk li għandhom bżonn.