Wieħed mill-akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Vince Muscat, jista’ jkun offrut tnaqqis fis-sentenza tiegħu wara li esprima x-xewqa li jikkollabora mal-Pulizija.
Rapport f’The Sunday Times of Malta jikkwota sorsi qrib l-investigazzjoni li jgħidu li l-Gvern jidher li hu lest li jilħaq ftehim mal-akkużat.
Madankollu, l-istess rapport jindika wkoll li hemm dubji dwar kemm Muscat hu kredibbli, anke għaliex fl-aħħar snin spiss kien inkonsistenti jew sab diffikultà jqabbel id-dati ta’ kif seħħew l-affarijiet.
Iżda sors qrib l-investigazzjoni ddikjara li kien hemm informazzjoni li għadda Vince Muscat u li kienet verifikata mill-investigaturi.
Hemm indikazzjonijiet ukoll li Vince Muscat jista’ jkun li lanqas biss jaf min kien il-moħħ wara dan l-assassinju, iżda aġixxa fuq ordnijiet li sarulu minn ħaddieħor.
Jidher li l-offerta li l-iktar qed tkun ikkunsidrata hi dik ta’ tnaqqis fis-sentenza għall-minimu stipulat bil-liġi f’każ ta’ omiċidju, jiġifieri 12-il sena. Madankollu l-possibbiltà ta’ maħfra presidenzjali kienet diskussa wkoll.
L-aħbar tal-offerta għal tnaqqis fis-sentenza ta’ Vince Muscat tasal hekk kif l-investigaturi f’dan il-każ jinsabu taħt pressjoni.
Dan għaliex, sentejn wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, la għadu beda l-ġuri fil-konfront tal-akkużati bil-qtil tagħha u għadna ma nafux lanqas min kien li ordna l-qtil jew għaliex.
Normalment, f’offerti bħal dawn, l-investigaturi jridu jkunu konvinti li l-informazzjoni offerta twassal għal arrest ta’ iktar persuni.Jekk jintlaħaq ftehim, finalment irid ikun l-Imħallef li japprova l-offerta.
//= $special ?>