Budget 2020 Ekonomija Lokali

X’qed jistennew in-nies mill-Budget?

Edward Scicluna, il-Ministru tal-Finanzi, għada se jressaq il-Baġit għas-sena 2020 u li minnu l-poplu jistenna investiment serju, soluzzjonijiet konkreti u viżjoni ċara.

Dan hu baġit li se jkun qed jitressaq fi żmien ta’ ftaħir mill-Gvern ta’ Muscat u ħafna pompi u ċerimonji dwar dak li qiegħed jiftaħar bih dwar l-ekonomiija waqt li qed jinora ħafna rapporti, statistika u analiżi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll minn istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali li xejn ma jagħmlu isem tajjeb għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Gvern ta’ Muscat irid jippreżenta għada viżjoni ċara u ta’ soluzzjonijiet ukoll għall-aħbarijiet li emerġew matul din l-aħħar ġimgħa hekk kif mijiet ta’ ħaddiema mal-konsorzju ELC li ntbagħtitilhom ittra ta’ sensja wara li l-Gvern iddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt mal-konsorzju dwar it-tisbiħ tar-roundabouts u l-ispazji pubbliċi fil-gżejjer Maltin.

Irid ukoll jindirizza b’serjetà u mhux biss bil-paroli, ir-reputazzjoni ħażina dwar il-mod kif qed jitmexxa minn Kastilja l-bejgħ tal-passaport Malti wara dak żvelat minn ġurnalisti Franċiżi. Irid ukoll isib soluzzjonijiet biex isewwi r-reputazzjoni u d-daqqiet li sofra s-settur bankarju wara l-istrateġija li tħabbret mill-HSBC Bank Malta plc dwar l-operat tagħhom f’pajijżna.

Dan hu Baġit li minnu l-poplu qed jistenna li l-Gvern ta’ Muscat jagħti soluzzjonijiet konkreti dwar:

• l-għoli tal-ħajja,

• l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kirjiet,                      

• l-isfreġju ambjentali,

• il-problemi fl-edukazzjoni,

• il-waiting lists fis-saħħa,

• iż-żieda fil-popolazzjoni,

• it-traffiku interminabbli,

• l-abbandun ta’ Għawdex,

• il-faqar dejjem jiżdied,

d-dellijiet tqal kawża ta’ skandli fil-governanza kif immexxija minn Kastilja.

Dawn is-soluzzjonijiet li l-poplu qed jistenna li joħroġ bihom il-Gvern, iridu wkoll jikkoreġu għaż-żmien li ġej l-istatistika li toħroġ kontinwament minn istituzzjonijiet f’pajjiżna bħalma hu l-Uffiċċju Nazzjoanli tal-Istatistika, u minn entitajiet oħrajn u istituzzjonijiet rinomati f’pajiżna fosthom ukoll dawk mhux governattivi.