Ambjent Lokali Parlament

Alfred Sant jaqbel mal-proposta tal-PN

Itenni l-appell t'Adrian Delia biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari dwar it-tibdil tal-klima

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant, illum Membru Parlamentari Ewropew, faħħar il-proposta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista illi l-gimgha li ghaddiet appellat lill-Gvern biex isejjah “Emergenza tal-Bidla fil-Klima”.

Hu ddikjara din il-pożizzjoni b’post fuq Facebook, fejn kompla li r-rapport li ħarġu l-esperti tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran hu allarmanti. Dan wara li huma stqarrew li fiż-żona tagħna, it-tibdil fil-klima li qed iwassal għal aktar sħana hu d-doppju ta’ dak li għaddej f’pajjiżi oħra.

L-istqarrija tal-eks Mexxej Laburista ssegwi dawk maħruġa fil-jiem li għaddew minn Nature Trust Malta u BirdLife Malta li, separatament, laqgħu b’sodisfazzjon il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Fil-fatt, iż-żewġ għaqdiet appellaw lill-Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra biex jappoġġjaw din il-Mozzjoni, hekk kif issa wasal iż-żmien li naġixxu għal uliedna.

Fil-mozzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex l-Ambjent ma jkun traskurat għax inkella, inkunu qed inkissru l-futur ta’ uliedna stess. L-Oppożizzjoni qed ittenni li l-Ambjent għandu jkun ċentrali għall-politika tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Kumitat Nazzjonali għall-Emerġenza tat-Tibdil fil-Klima għandu jżomm kuntatt ma’ esperti u s-soċjetà ċivili, filwaqt li jipproponi inizjattivi ħalli Malta tiġġieled it-tibdil fil-klima.

Il-pożizzjoni ta’ Alfred Sant kienet segwita wkoll minn għadd ta’ persuni qrib l-eks Mexxej Laburista, li qalu li idea tajba għandha tiġi mfaħħra – tiġi minfejn tiġi. Dan minflok ma l-ewwel tkun redikolata u ftit xhur wara l-Partit Laburista jagħmilha tiegħu, kif qal wieħed minn dawk li kkummentaw.

Il-Partit Nazzjonalista ħa dan il-pass għax jemmen f’soċjetà li tiżviluppa b’mod sħiħ u ppjanat, kif ukoll li l-Ekonomija u l-Ambjent jimxu id f’id, minflok ma waħda tavvanza għas-skapitu tal-oħra, kif qed jiġri llum.