Il-General Workers’ Union fi stqarrija ddikjarat li hi tal-fehma li l-ġid u l-istabilità ekonomika li ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar seba’ snin, fl-aħħar waslet biex il-Gvern laqa’ l-proposta tagħha u matul is-sena d-dieħla se jagħti bidu għat-twessiegħ fil-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali għall-ħaddiema kollha tal-kuntratturi li jagħtu servizz f’kumpaniji privati.
Iddikjarat li din l-aħbar hija rebħa għall-GWU għax qed ikun rikonoxxut il-ħtieġa li fil-privat ukoll iridu jinbidlu l-affarijiet, jekk verament irridu li jinqata’ l-prekarjat f’pajjiżna.
Il-Union b’ottimiżmu tilqa’ din it-tħabbira u turi d-disponibilità tagħha biex tkun parteċipi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tat-twessiegħ sħiħ tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali. It-tħabbira għall-implimentazzjoni parzjali ta’ dak li trid il-GWU huwa biss il-bidu ta’ triq li għandha l-għan li l-ħaddiema tal-kuntratturi verament jiksbu l-istess pagi u kundizzjonijiet bħal ħaddiema direttament impjegati fejn huma qed jagħtu servizz.
B’din il-parità ta’ ħlas u kundizzjonijiet, inkluż ħlas doppju għall-Ħdud, inkunu qed naraw li l-ġid jasal għand kulħadd. Il-GWU tistenna li l-Gvern jibda jiddiskutieha fix-xhur li ġejjin biex din tkun implimentata mill-bidu tas-sena.Fl-istess waqt il-GWU tinnota wkoll li l-Gvern ħa nkusiderazzjoni, u attwa diversi proposti tagħha bħal: ġurnata oħra liv bħala kumpens għall-festi li jiġu fi tmiem il-ġimgħa u li kienu imċaħħda lill-ħaddiema minn gvernijiet nazzjonalisti; għall-tnaqqis fit-taxxa fuq l-overtime; kif ukoll l-introduzzjoni ta’ għajnuna parzjali f’każ li impjegati jkollhom jieħdu l-liv tal-mard biex jieħdu kura f’każ ta’ kanċer u mard rari. Dawn huma miżuri li jgħinu biex il-ħaddiema jkollhom aktar saħħa finanzjarja u s-serħan il-moħħ f’dawk il-mumenti ta’ problemi ta’ saħħa.
Huwa ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra dan il-baġit qed juri l-wiċċ soċjali tal-Gvern billi sena wara l-oħra grazzi għall-ġid li qed jinħoloq mill-ġdid, kif talbet il-GWU, żied il-pensjonijiet, tejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-persuni b’diżabilità, ta aktar wens għal min jinsab għaddej minn diffikultajiet fil-ħajja tiegħu bħalma hi l-għajnuna għar-romol li qed irabbu familja waħedhom, u aktar flus ivvutati biex issir ġustizzja ma’ eluf ta’ ħaddiema li soffrew inġustizzja fl-imgħoddi. Fost dawn nistgħu nsemmu l-eks ħaddiema tax-xatt, pulizija u ħaddiema tal-korpi tax-xogħol. Importanti wkoll li l-miżuri finanzjarji indirizzati lejn il-familji mhu se jħallu l-ebda tifel u tifla jitrabbew fil-faqar f’pajjiżna.
Il-GWU tirrikonoxxi wkoll il-fatt li Gvern qed jieħu miżuri serji biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna mhux biss bi proġetti għal titjib fi spazji rikreattivi iżda wkoll bit-teħid ta’ miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-ambjent f’dik li hija arja u ekoloġija. Dawn huma miżuri li fit-tul għandhom iħallu impatt pożittiv fuq is-saħħa taċ-ċittadini u l-ispiża tal-kura f’pajjiżna.
Għaldaqstant il-GWU tqis li dan il-baġit – li minkejja l-miżuri imħabbra se jara xorta tkabbir ekonomiku, surplus finanzjarju u tnaqqis fid-dejn nazzjonali – kien wieħed li kompla qassam il-ġid maħluq, ta tama lil eluf ta’ ħaddiema li fix-xhur u snin li ġejjin se jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u għajxien tagħhom, kif ukoll qed jaħseb biex pajjiżna jkollu soċjetà aktar ġusta.
//= $special ?>