Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta l-Budget għas-sena d-dieħla li madankollu ma jlaħħaqx mal-aspettattivi tan-nies u jinjora ħafna mill-problemi soċjali.
Waqt li ftaħar li l-Gvern ma jżidx taxxi, iż-żieda mogħtija lill-familji Maltin, li se tkun ta’ €3.49 diġà tteħditilhom lura biż-żidiet li kellna matul l-aħħar 12-il xahar – iż-żieda qawwija fil-prezz tal-petrol u d-diesel, fil-prodotti tal-ħalib, fil-prodotti tal-majjal, il-ħobż u l-posta fost oħrajn.
Fil-Budget, il-Gvern ma ta l-ebda kumpens għall-5 ċenteżmi żieda li kien hemm fis-Sajf għall-petrol u d-diesel.
Apparti minn hekk, iż-żieda li ta l-Gvern hija ferm anqas mill-4 ewro u aktar li kienu qed jistennew il-ħaddiema u l-familji. L-aktar wara li matul is-sena kellna żidiet fil-prezz tal-ikel.
Fejn jidħol il-ħalib, per eżempju, jekk tikkalkula fuq familja bit-tfal żgħar, li tixtri żewġ kartuniet ħalib kuljum, dawn raw żieda fl-ispejjeż ta’ €1.54 fil-ġimgħa. U allura nofs iż-żieda li ta l-Gvern diġà ittieklet.
U b’żieda medja ta’ 2.9% fil-prezz tal-ikel xirja ta’ €150 f’ġimgħa, żdidet b’€4.35. Fi kliem sempliċi, biż-żieda fl-ikel BISS, il-flus li ta l-Gvern diġà sparixxew.
Għal dan kollu, il-Gvern qed joffri somma ta’ darba ta’ €15 lil persuni li jgħixu waħidhom, jew €35 lil residenzi b’iktar persuni, li dejjem skont l-istatistika tal-NSO, tfisser biss li hafna persuni se jkopru parti żgħira mill-ispejjeż kbar li għandhom.
Fil-Budget ta’ din is-sena Gvern Laburista ħabbar 1,700 unit ieħor ta’ housing li kienu mħabbra fil-Budget tas-sena li għaddiet ….waqt li ftaħar li għaddej ix-xogħol fuq is-700 unit li kienu issemmew diġà.
Madankollu l-poplu Malti u Għawdxi jaf sew li s’issa Gvern Laburista għadu ma lesta l-ebda minn dawn l-appartamenti tal-Gvern.
Il-Budget jinkludi wkoll numru ta’ proposti riċiklati li issemmew s-sena li għaddiet u baqgħu qatt ma saru fosthom ir-riġenerazzjoni tal-bajjiet tal-Għadira u r-Rinella.
Dwar l-Air Malta, mifnija bi problemi tekniċi fl-ajruplani u dewmien fit-tijiriet, il-Gvern kemm semma’ lil-linja nazzjonali u qal biss li se jagħmel proċess ta’ tiġdid mifrux fuq ħames snin ….li madankollu ma jissemma’ xejn dwaru ħlief it-tibdil tal-flotta.
Dan filwaqt li Għawdex intesa’ għal kollox.
Fl-edukazzjoni u s-saħħa, fejn insibu problemi b’nuqqas ta’ edukaturi u pagi li issa kienu kkonfermati li huma taħt il-medja Ewropea, dawn l-isfidi ma ġewx indirizzati.
Minkejja li inqas minn ġimgħa ilu, il-Ministru Evarist Bartolo kien wiegħed li se jżid l-istipendju għall-istudenti f’setturi fejn hemm nuqqasijiet, bħall-edukaturi u l-professjonisti mediċi, din ma tissemma’ mkien. L-istipendji se jiżdiedu biss pro-rata, kif ilu jsir għal snin twal. Wara li ġie preżentat il-Budget….il-ġimgħa d-dieħla jkun imiss ir-replika mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
//= $special ?>