Budget 2020 Lokali

Budget li ma solva xejn mill-problemi li ħoloq il-Gvern stess – Adrian Delia

Dan hu Budget li ma jsolvi xejn mill-problemi li ħoloq il-Gvern Laburista stess. Budget li kien xott mill-ideat u mis-soluzzjonijiet ġodda. Budget b’wegħdiet riċiklati li ma twettqux fis-snin li għaddew.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet biex jagħti l-ewwel reazzjoni għad-diskors tal-Budget 2020, ippreżentat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Fost il-wegħdiet riċiklati, li ma twettqux fis-snin li għaddew, hemm il-bini ta’ Skejjel li ilhom jiġu mwegħda għal dawn l-aħħar snin (bħal tal-Qawra, l-Imsida, u r-Rabat Għawdex), is-servizz tal-fast ferry u l-fibre optic għal Għawdex, l-Isptar ġdid għas-saħħa mentali u t-trakka tal-karozzi … fost l-oħrajn

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li se jagħti l-Gvern Laburista lanqas biss tagħmel tajjeb għaż-żieda kontinwa tal-prezzijiet, speċjalment dawk tal-prodotti essenzjali bħall-ikel. L-istess kif lanqas ma ġew indirizzati l-problemi tal-kirjiet u tal-propjetà, u bis-serq fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li se jibqa’ għaddej anke din is-sena.

Adrian Delia kompla li l-Budget kif ippreżentat mill-Gvern ma jindirizzax lanqas il-problemi tat-traffiku u tat-tniġġis tal-arja, minkejja li l-istatistika turi kif pajjiżna għandu l-agħar kwalità tal-arja fost il-pajjiżi Ewropej.

L-Oppożizzjoni nnotat ukoll kif dan il-Budget lanqas ma jindirizza t-theddida għas-settur finanzjarju, meta l-Gvern stess qed jgħarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Adrian Delia qal li dan hu Budget bla viżjoni ta’ Gvern bla pjan, li hu xott mill-ideat u s-soluzzjonijiet ġodda. Għax minkejja li semma’ diversi problemi li n-nies qed iħabbtu wiċċhom magħhom, fil-verità ma ppreżenta l-ebda soluzzjoni.

Dan il-Budget ma jipproponix tkattir ta’ setturi ekonomiċi ġodda, ħlief bit-tkabbir tal-popolazzjoni; ma jipproponix kif se jħajjar aktar Għalliema b’kundizzjonijiet aħjar u b’aktar inċentivi; ma jipproponix kif se jtejjeb il-ħajja tal-middleclass; ma jipproponi xejn dwar l-adekwatezza tal-pensjonijiet; ma jipproponix kif se jissalvagwardja l-biedja f’pajjiżna; u lanqas kif se jindirizza b’serjetà t-tibdil fil-klima. Qal li dan kollu filwaqt li se jibqa’ jippersisti t-tnawwir istituzzjonali u b’theddida għas-saltna tad-dritt.

Għall-kuntrarju, għalkemm fl-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta aktar minn 100 proposta biex pajjiżna jgawdi mill-vantaġġi ta’ ekonomija bilanċjata u soċjetà sostenibbli. Adrian Delia temm billi tenna li dan hu Budget riċiklat, li la jġib bilanċ u lanqas sostenibbiltà, li jibqa’ jkabbar l-Ekonomija biss biż-żieda fil-popolazzjoni.