Budget 2020 Lokali Saħħa

Budget riċiklat għas-Saħħa

Settur ieħor li fih saru diversi wegħdiet sbieħ, iżda li bosta minnhom mhux ġodda għax ilhom imwegħda numru ta’ snin, hu dak tas-Saħħa.

Dan minkejja li hu settur li jolqot lil kulħadd, bid-Diskors ma jaghmel l-ebda referenza ghal Stewart Healthcare, għall-kriżi fil-kurituri jew għall-Isptar ta’ Għawdex.

Fit-tmien Budget tiegħu, il-Gvern reġa’ qal li beħsiebu jintensifika l-investiment fil-Kura Primarja għax jemmen li dan is-settur għandu l-potenzjal joffri servizzi speċjalizzati.

Madankollu, il-Ministru tal-Finanzi reġa’ ma elenka l-ebda xogħol f’xi Ċentru tas-Saħħa li għandu bżonn qawwi ta’ modernizzar, fosthom dak tal-Gżira u tal-Furjana. Barra minhekk, għal sena oħra reġa’ rrepeta l-wegħda li se jkun qed jinbena Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex, minkejja li dan ilu mwiegħed mill-Gvern u għadu lanqas biss inbeda.

Meta tkellem dwar dan is-settur daqstant importanti, il-Ministru ma semma’ bl-ebda mod il-wegħda elettorali li l-mediċini jitwasslu bieb bieb għand min għandu bżonnhom. Qal, iżda, li se tkompli l-kampanja ta’ tilqim kontra l-mard infettiv, li ilha tingħata lil kulmin hu interessat u fil-bżonn għal għadd ta’ snin.

Barra minhekk, ma naqasx li reġa’ semma’ l-bini ta’ Sptar ġdid għall-kura akuta psikjatrika, fejn qal li l-pjan fuqu għadu għaddej. Madankollu, reġa’ ma qalx li dan l-Isptar ilu jiġi mwiegħed għal seba’ snin.

Il-Ministru tal-Finanzi wiegħed ukoll li se jkun imniedi Ċentru biex ikun offrut servizz għall-persuni esposti għal kimiċi tossiċi varji, kif ukoll li se jixtri mediċini tal-qalb u ċ-ċirkolazzjoni, dawk kontra l-kanċer, kontra l-mard tal-ġilda u kontra l-mard rari.