Lokali

FILMAT: Ippreżentata donazzjoni lil Puttinu u Simon Schembri Blue Light Foundation

Fil-lukanda Cavalieri Art Hotel f’San Ġiljan, is-Sibt waranofsinhar saret il-preżentazzjoni tal-fondi miġbura b’risq Puttinu u Simon Schembri Blue Light Foundation.

Il-flus inġabru waqt dawra bil-muturi organizzata minn Free Hoggers Malta fost il-membri tagħhom u sidien ta’ muturi oħrajn.

Id-dawra saret fl-22 ta’ Settembru li għadda u fiha ħadu sehem iktar minn 130 sewwieq ta’ muturi differenti.

B’kollox inġabru iktar minn €2,500 b’risq Puttinu u Simon Schembri Blue Light Foundation.

Puttinu  Cares tgħin lil persuni milquta minn mard serju u l-familji tagħhom billi toffri akkomodazzjoni mingħajr ħlas għall-morda u l-qraba tagħhom biex jibqgħu qribhom waqt it-trattament barra mill-pajjiż

Andrew Decelis għan-nom ta’ Puttinu Cares, qal li din id-donazzjoni tgħin fil-ħidma ta’ Puttinu

Simon Schembri irringrazzja lis-sewwieqa tal-muturi għall-ġenerożita’ tagħhom.

Simon Schembri Blue Light Foundation twaqqfet minn Simon Schembri – Kuntistabbli tal-Pulizija li weġġa’ serjament waqt il-qadi ta’ dmirijietu – bil-għan li toffri appoġġ psikoloġiku u finanzjarju lil membri tal-korpi dixxiplinati li jkunu nvoluti f’inċidenti serji waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Waqt il-preżentazzjoni, Geoffrey Pulis, minn Free Hoggers Malta ippreżenta wkoll rigal u donazzjoni liċ-ċkejken Quiven u l-familja tiegħu.

Ikkummenta