Ekonomija Kummerċ Lokali Transport

Il-ħaddiema tal-Freeport jirċievu paga ferm anqas minn qabel

Waqt li l-paga bażika ma ntmessitx, is-sahra prattikament tilfuha kollha

Il-ħaddiema fil-Port Ħieles f’Birżebbuġa fl-aħħar xhur raw is-sahra tagħhom jonqos drastikament tant li llum-il ġurnata kważi spiċċa għalkollox. Is-sitwazzjoni wasslet biex ħafna mill-ħaddiema qed jieħdu d-dar magħhom paga bażika.

Impjegati li tkellmu ma’ dan il-ġurnal spjegaw kif ix-xogħol fil-Port Ħieles naqas drastikament u għalhekk m’għadx hemm il-bżonn ta’ qabel li jidħlu jaħdmu sigħat żejda. Dan wassal biex qed jieħdu magħhom id-dar paga li hi ferm inqas minn dak li kienu jirċievu qabel.

Dan wassal biex fl-aħħar ġimgħat kien hemm diversi persuni li bidlu l-post tax-xogħol tagħhom, fosthom impjegati li ddaħħlu jaħdmu ma’ Transport Malta kif ukoll oħrajn li ġew impjegati mal-Wasteserv.

Is-sitwazzjoni ggravat b’mod speċjali wara li f’Mejju li għadda dan il-ġurnal kien żvela li l-Maersk kienet se tittrasferixxi parti mill-operat tagħha minn Malta lejn l-Afrika ta’ Fuq. B’din id-deċiżjoni, l-ikbar kumpanija li tittrasporta l-kontejners bil-baħar ma baqgħetx tuża lil Malta bħala bażi biex tforni s-suq lokali mil-Lvant Nofsani.

F’Mejju filfatt ix-xogħol tal-Maersk fil-Port Ħieles ta’ Malta kien diġa’ beda jonqos drastikament u kompla jonqos anke fl-aħħar xhur.

Il-kumpanija Thomas Smith, li ilha għall-aħħar snin tirrappreżenta lill-Maersk Line f’Malta u li għandha esperjenza vasta fis-settur, kienet iddikjarat li fil-preżent, materjal destinat jew li joriġina minn Malta qed jgħaddi minn Port Said, fl-Eġittu. Il-Maersk se tibda tuża wkoll faċilitajiet tagħha f’Tangier, il-Marokk.

Dan fisser li Malta ma baqgħetx bażi tal-kumpanija għal xogħol relatat mal-Lvant Nofsani, b’keliem għall-Port Ħieles jikkonferma li b’hekk f’Malta qed iżżomm biss ir-rotot tal-Amerika t’Isfel u n-Nofsinhar tal-Ewropa.

Il-Freeport ilu sa minn dak iż-żmien jipprova jattira kumpaniji ġodda, iżda dan il-ġurnal jista’ jikkonferma li żewġ ftehim li kienu qrib li jidħlu fis-seħħ, sfortunatament ma kellhomx il-konklużjoni mixtieqa.

F’Lulju, il-Ministru tat-Trasport Ian Borg kien irrisponda għall-kritika billi qal li l-Gvern kien se jsib kumpaniji oħra biex jimlew il-vojt li ħallew il-Maersk. Tliet xhur wara, s’issa din għadha biss wegħda fiergħa oħra ta’ Gvern Laburista li ma seħħitx.

Is-sitwazzjoni kkumplikata ma tiqafx hawn għall-ħaddiema tal-Port Ħieles, li bħalissa qed jgħixu inċertezza u jridu jaraw kif jaġġustaw ħajjithom u ħajjet il-familji tagħhom b’pagi li qalgħu daqqa ta’ ħarta.

Dan għaliex fuq livell internazzjonali hemm diversi kumpaniji li qed jidħlu f’diskussjonijiet bejniethom biex jgħaqqdu l-operat tagħhom u b’hekk iżidu l-profitti tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż billi jimlew dejjem iktar il-vapuri tagħhom għal kull vjaġġ.

Fost il-kumpaniji li kienu qed jakkwistaw kumpaniji oħra hemm is-CMA CGM, li wkoll hi kumpanija ewlenija fil-Port Ħieles, fejn tuża diversi servizzi u tħalli f’pajjiżna ammont ta’ flus sostanzjali u l-ħolqien ta’ diversi impjiegi.

Fl-aħħar ġimgħat, din il-kumpanija filfatt xtrat kumpanija oħra, lil CEVA Logistics, li toffri servizzi ta’ loġistika u mmaniġġjar tal-merkanzija. Wieħed irid jara kif l-iżviluppi internazzjonali, b’numru ta’ kumpaniji li qed jingħaqdu flimkien, se jkomplu jaffettwaw l-operat tal-Port Ħieles ta’ Malta.