Lokali Qorti

IL-KAWŻA EGRANT: L-Avukat Ġenerali jaqbeż għat-tliet Ministri tal-Gvern

Il-Qorti rrabjata għall-mossa tal-Ministri

Fil-kawża tal-Appell li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saret talba mill-Avukat Vince Galea għan-nom ta’ Adrian Delia biex it-tliet Ministri tal-Gvern, Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna biex jew jgħidu li għandhom kopja, nkella minn fejn ġabu l-informazzjoni tar-rapport Egrant. Dan fid-dawl ta’ meta huma kienu kkwotaw mill-istess rapport f’kawża dwar il-Vitals Global Healtcare.

Dan sar fid-dawl tar-rikors preżentat minn naħa tal-Ministri biex huma ma jixhdux f’din il-kawża minħabba li skont huma għax għad hemm proċeduri kriminali u nkjesta pubblika għaddejja, u allura mhux sew li huma jagħtu x-xhieda tagħhom.

L-Avukat Galea, qal lill-Qorti, “jekk jgħidulna li għandhom kopja tal-inkjesta, jissolva kollox”. Il-Prim Imħallef qal li ma jistax jisfurzahom jippreżentaw kopja jekk għandhom, u aktar jekk hemm xi raġuni fadilha

Il-każ kompla jinstema quddiem il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri fejn l-Avukat Aaron Mifsud Bonnici għan-nom tal-Ministri mill-ewwel ġibed l-attenzjoni dwar ir-rikors imressaq dwar il-fatt li dawn m’għandhomx jixhdu.

Il-Qorti qalet li se tagħti d-deċiżjoni tagħha kameralment fil-jiem li ġejjin dwar jekk it-tliet Ministri għandhomx jixhdu f’dan l-appell. Sadanittant il-Prim Imħallef qal lill-Avukat Mifsud Bonnici li mhux sew li wara sajf sħiħ jiġi preżentat rikors issa, jekk xejn b’rispett lejn il-Qorti u l-partijiet.

Il-kawża saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li talab li r-rapport sħiħ, ta’ 1,500 paġna, jiġi ppubblikat u għaldaqstant, bil-kawża hija kontra l-Avukat Ġenerali, fejn qed jisħaq li qed jinkisirlu d-dritt fundamentali tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni meta l-AĠ qed jibqa’ jirrifjuta li jagħtih ir-rapport sħiħ.

Il-Ministri Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna kienu ġew ordnati mill-Qorti Kostituzzjonali biex jixhdu dwar ir-rapport tal-inkjesta Egrant li għadu ma ġiex ippubblikat kollu kemm hu.
Il-Ministri allegatament ikkwotaw minn dan ir-rapport tal-inkjesta f’ każ ukoll miftuħ mill-NGO Repubblika biex il-Qorti tinvestiga l-ftehim mal-Vitals Global Healthcare.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech qal minn naħa tiegħu li ħadd ma jista’ jiġi sfurzat biex jixhed, inkluż hu fuq xi ħaġa li ma jistax jesebixxi minħabba li hija xi ħaġa sigrieta.

L-Avukat Galea kkontesta l-fatt fuq dak li semma l-Avukat Ġenerali dwar il-kapitlu 518 tal-liġi dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ dokumenti…tenna li huwa punt bażiku li anke l-istudenti tal-liġi jafu….l-kontenut tad-dokumenti. Jiġifieri jekk dan id-dokument kien wieħed sigriet, dan m’għadux japplika, minħabba li m’għadu sigriet xejn.

Repubblika u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, fl-appell li fetaħ, insistew li l-Ministri kkwotaw minn partijiet li mhumiex il-konklużjonijiet li ġew ippubblikati mill-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Vince Galea li qed jidher għal Adrian Delia qal li t-tliet Ministri jridu jwieġbu minn fejn ġabu l-paragrafi kkwotati li huma parti mill-inkjesta li mhix miftuħa għall-pubbliku. Tenna li huwa ċar li l-informazzjoni tinsab biss għand il-Partit Laburista u l-esponenti tal-Gvern.

Qal li anke l-Avukat Ġenerali għandu jispjega kif l-ewwel ta kopja biss lill-Prim Ministru Joseph Muscat, u wara għadda kopja lill-Ministru Owen Bonnici u anke lill-Avukat Pawlu Lia u wkoll lil Kurt Farrugia, u li issa għandu jgħid jekk huwa għaddiex kopja wkoll lit-tliet Ministri.

L-Avukat Galea qal ukoll li l-Avukat Ġenerali kien qal li jekk ir-rapport Egrant jiġi mgħoddi kollu lill-Kap tal-Oppożizzjoni dan jispiċċa fl-arena politika, issa li m’għadux sigriet, staqsa l-Avukat, x’inhi l-problema?

Ingħad ukoll fil-Qorti li t-tliet Ministri kkwotaw parti mill-inkjesta Egrant li ma tinstabx fil-konklużjonijiet ippubblikati mill-Avukat Ġenerali għal konsum tal-pubbliku. Għaldaqstant il-mistoqsija li għandha ssir taħt ġurament lit-tliet Ministri hi minn fejn ħareġ is-siltiet li kkwota fil-kawża u qal li r-risposta li tingħata jaf ikollha eżitu fuq dawn il-proċeduri kostituzzjonali.

Il-kawża tħalliet għat-18 ta’ Novembru fl-10.00am. bil-Prim Imħallef jgħid ukoll li l-kawża trid tinqata’ sa l-aħħar ta’ Diċembru li ġej.