Futbol Sport

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo b’taħdidiet konkreti biex jinħoloq tim Malti li jikkompeti fis-Serie C fl-Italja

Dak li kiteb Bjorn Vassallo fil-programm elettorali tiegħu fis-sajf li għadda biex jinħatar President tal-MFA, jidher li beda jieħu forma hekk kif bdew it-taħdidiet b’ċans li jseħħ wieħed mill-akbar ħsibijiet li għandu hu. Waqt il-programm Replay tal-Ħadd filgħaxija fuq Net Television, ġie żvelat li bdiet il-mixja lejn possibbiltà biex jinħoloq tim Malti li jipparteċipa fis-Serie C Taljana li hi mmexxija mil-Lega Pro.

L-għan prinċipali ta’ dan il-proġett hu biex il-kowċ nazzjonali jkollu numru ta’ plejers li jilagħbu f’livell professjonali u jgħixu l-futbol f’dak il-livell. Hu semma kif fit-tim preżenti hemm biss Luke Gambin u Zach Muscat li jilagħbu f’kampjonat professjonali. “Ma nistgħux naqgħu lura u biex nagħmlu ‘quick fix’, biex aħna naslu biex il-plejers tagħna jkollhom kunfidenza akbar, preparati aktar teknikament, fiżikament u psikoloġikament bilfors irridu nsaħħu l-livell professjonali.”

Vassallo kkonferma li bdew il-kuntatti mal-FIGC (il-Federazzjoni Taljana) u l-Lega Pro biex jieħdu sehem f’dan il-kampjonat professjonali possibbilment mill-istaġun li ġej. Huma diġà ltaqgħu ma’ investituri kif ukoll ma’ klabbs li potenzjalment jistgħu jidħlu f’dan il-proġett. Dan il-klabb ikun separatament mit-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Ray Farrugia, iżda l-MFA se jkollha l-ishma f’din il-kumpanija li se tmexxi lit-tim.

Din l-idea tkopri wkoll li jkun hemm tim taż-żgħażagħ u Bjorn Vassallo għandu l-ħsieb li jkun hemm nofs il-plejers fiż-żewġ timijiet li jkunu Maltin għal madwar bejn 20 u 24 plejer. L-iskwadra ewlenija tkun professjonali filwaqt li t-tim l-ieħor ikun part-time. Huma jitħarrġu f’pajjiżna u se jkunu qed jippruvaw jagħfsu li nofs il-logħbiet jintlagħbu hawn Malta.

Ħafna jistaqsu kif se tkun qed taħdem is-sistema iżda l-President tal-MFA żvela l-possibbiltà li dan it-tim jista’ jingħaqad ma’ klabb ieħor. “Bħalissa qegħdin ovvjament nistudjaw dawn l-opzjonijiet kollha, għal ħabta ta’ Novembru ħa niltaqgħu mal-Lega Pro u mal-FIGC biex ngħidulhom x’inhuma l-ħsibijiet tagħna wara l-ewwel xogħol illi għamilna,” qal Vassallo.

Partijiet importanti biex il-proġett iseħħ huma l-aspett legali, tat-taxxa, l-eliġibbiltà u r-reġistrazzjonijiet tal-plejers. Hu żied li hemm tim ta’ esperti qed jaħdmu fuq dan l-aspett u għandu mira li sal-aħħar tas-sena tittieħed id-deċiżjoni li jridu jieħdu wara li jkollhom aktar għarfien u figuri f’idejhom.

“Qed nitkellmu ma’ ċertu klabbs ta’ ċertu livell fl-Italja biex naraw l-interess tagħhom jekk għandhomx ikunu ‘satellite clubs’ magħna anki minħabba l-fatt li hemm illum il-Juventus U23 eżempju jilagħbu fil-Lega Pro, jiġifieri jekk għandniex immorru fuq dak it-tip ta’ mudell, anki klabbs oħra u jista’ jkun illi jogħġobhom il-mudell tagħna illi jagħmluha magħna u minflok imorru għal rashom.” Vassallo kompla jgħid li wara li jkunu għamlu l-evalwazzjoni tagħhom, huma jitkellmu mal-klabbs lokali għaliex saħaq li “Bjorn Vassallo waħdu mhux ħa jiddeċiedi xejn.”

Din il-proposta tinsab f’paġna numru 17 fil-programm elettorali ta’ Bjorn Vassallo fis-sezzjoni Futbol Internazzjonali

DISCUSS THE CREATION OF A PROFESSIONAL SETUP TO PARTICIPATE IN A FOREIGN PROFESSIONAL LEAGUE

“To ensure that the national team coaches have a wider selection of professional players ready for international call-up and to enhance the local players’ mental and technical confidence, we would be ready to look into the opportunity of creating a senior team and a youth team composed mainly of Maltese players to participate in a foreign professional football league. Important best practices already exist around the world and based on good relations with the FIGC, the Association would look into the feasibility (sporting, financial, legal and logistical) of this Project as a means to elevate the national team results at senior, U21 and youth level. The teams would run in a completely separate framework from the national team selections and financed by a private entity with the Association keeping the majority in shareholding.”