Budget 2020 Lokali

Il-Union tal-Għalliema tiddeskrivi l-budget bħala “xott għall-qasam tal-edukazzjoni”

Il-union tal-Għalliema, l-MUT, iddeskriviet il-budget ta’ din is-sena bħala wieħed xott għall-qasam tal-edukazzjon. Innutat li l-proposti li ppreżentat qabel il-baġit ta’ llum ġewx milquha mill-Gvern.

L-MUT kienet appellat għal inċentivi sabiex żgħażagħ jersqu lejn il-professjoni, li tinfetaħ aktar l-eliġibilità tal-iskema tas-sabbatical u jiżdiedu l-fondi allokati għaliha u li l-iskejjel li m’humiex tal-istat jingħataw aktar għajnuna partikolarment riżorsi għat-tagħlim.

Kienet ipproponiet ukoll li l-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema jkun sostnut aktar fid-dawl li l-mandat tiegħu ser ikun qed jitwessa’ aktar u talbet li jkun hemm investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel permezz ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni, insulation u arja kkundizzjonata.

“Filwaqt li l-ebda proposta minn dawn ma ġiet inkluża, dan il-baġit kien xott wisq fil-qasam tal-edukazzjoni u minflok inkluda proposti f’dan is-sens, baqgħu jissemmew inizzjattivi li ilhom li tħabbru s-snin bħal dik tal-My Journey, is-sala tal-iskola ta’ Santa Luċija u l-iskola tal-Qawra,” iddikjarat il-Union tal-Għalliema.

Fi stqarrija, l-MUT stqarret li tħoss li l-Gvern mhux qed jieħu d-diffikultajiet fil-qasam edukattiv bis-serjetà u konsegwenza ta’ dan il-problemi fil-qasam ser ikomplu jiżdiedu.