Lokali

“Iriduna nibqgħu għaddejjin ‘business as usual’, meta mhuwiex” – Adrian Delia

Sentejn ilu, fid-diskors tal-Budget, tlabt li tintrefa r-responsabbiltà politika. Għaddew sentejn, u ħadd mill-Gvern għadu ma refa’ r-responsabbiltà.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’artiklu fil-ġurnal Times of Malta, fejn qal li dan l-assassinju għandu implikazzjonijiet ferm akbar minn dak li jidher mal-ewwel daqqa t’għajn.

Sentejn wara dan id-delitt, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom hemm. L-imħuħ wara l-assassinju għadhom jiġru barra, u l-Pulizija baqgħet ma solvietx dak li hu bla dubju wieħed mill-aktar assassinji ta’ mibgħeda li qatt seħħ f’pajjiżna.

L-istituzzjonijiet f’pajjiżna baqgħu ma rnexxielhomx jaqbdu l-persuna wara dan l-att barbaru – dan hekk kif f’dawn il-jiem il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-estimi finanzjari, f’sitwazzjoni surreali. U jibqgħu jippretendu li nibqgħu għaddejjin daqs li kieku kien ‘business as usual, meta s-sitwazzjoni hi kollox minbarra normali.

11-il xahar ilu, il-Kummissarju tal-Puliizija kien qal li l-investigazzjoni kienet waslet fi “stat delikat”, u li s-suspettati, “aktar minn żewġ Maltin” ġew identifikati.

Kuntrast qawwi ma’ dak li seħħ fis-Slovakkja, fejn jumejn wara l-assassinju ta’ Jan Kuciak, irreżenja l-Ministru tal-Kultura wara li stqarr li ma setax jibqa’ fil-kariga meta l-ġurnalista ġie assassinat waqt li kien Ministru hu. Il-Ministru tal-Intern u saħansitra l-Prim Ministru Slovakk, irreżenjaw jiem wara.

Dan hu l-mod kif tinġarr ir-responsabbiltà politika f’pajjiż demokratiku, qal Adrian Delia.

Fi ftit xhur il-Pulizija arrestaw u ressqu 4 persuni, u wieħed minnhom indika lil Mariamm Kocner bħala l-mohh wara l-qtil.

Il-Gvern dgħajjef l-istituzzjonijiet tal-Istat, u dan ikkonfermawh ħafna rapporti internazzjonali, fosthom il-Moneyval, il-Greco u il-Venice Commission.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’hemm wara l-ispins politiċi li l-Gvern jeċċella fihom. X’hemm aktar minn ekonomija mibnija fuq cheap labour għall-barranin? Nistgħu ngħidu li wara 6 budgets ta’ Gvern Laburista għandna kwalità ta’ arja aħjar, jew li s-soċjetà qed tgawdi aktar? Statistika turi li wieħed minn kull 4 pensjonanti jinsab f’risku ta’ faqar.

Il-Partit Nazzjonalista ħejja dokument b’aktar minn 100 proposta għall-budget. Dokument li fi ftit siegħat wara li ġie ppreżentat il-Prim Ministru ħa ħsieb rema b’mod arroganti. Dan l-aġir, qal Adrian Delia, iservi biss biex isaħħaħ aktar id-determinazzjoni li niġġieldu biex ngħinu lil dawk li ta’ kull xaħar qed ibatu biex jgħadduha.

Il-vuċi ta’ dawk vulnerabbli se neħduh aħna fil-Parlament, jikteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn bla dubju il-Gvern se jkompli jonqos milli joffri serħan tal-moħħ lill-poplu Malti.

Ikkummenta