Il-Gvern Laburista jerġa’ ma joffri l-ebda soluzzjoni biex isolvi l-problema dejjem akbar tat-traffiku fil-pajjiż.
Tant hu hekk li fil-Budget, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna spiċċa jiftaħar li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ is-servizz tat-trasport pubbliku bħala l-unika soluzzjoni, filwaqt li suppost jara li mix-xogħol fuq it-toroq ma jbatux il-lokalitajiet.
Madankollu, ma qalx kif se jara li dawn it-toroq kollha li nqalgħu madwar il-pajjiż, fosthom numru minnhom li baqgħu abbandunati bħal Triq il-Wied f’Ħal Balzan, ma jkomplux iżidu t-traffiku jew iħallu ħerba fl-Ambjent.
Hu wiegħed li se jara kif se jiżdiedu spazji aktar siguri biex fihom jintużaw mezzi alternattivi ta’ trasport, bħar-roti, għalkemm ma rreferiex għat-tħassib ta’ ħafna li l-linji għaċ-ċiklisti fil-verità ma huma siguri xejn.
Edward Scicluna wiegħed li t-trasport pubbliku se jkompli jaqdi aktar faxex tas-soċjetà, fosthom anke b’fondi mill-Gvern lill-kumpanija responsabbli, għalkemm din hi waħda privata u diġà tirċievi miljuni kbar f’sussidji mill-Istat.
Dwar il-qasam marittimu, il-Ministru tal-Finanzi qisu nesa għalkollox il-ħidma li saret fl-aħħar snin biex ir-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili jkun l-aqwa fl-Ewropa, tant li wiegħed li se jkun dan il-Gvern li jikkonsolidah.
Il-Ministru għamel referenza wkoll lejn wegħdiet oħrajn riċiklati jew repetuti, fosthom li jkunu eżenti minn kull taxxa dawk li jixtru karozzi elettriċi jew elettriċi ibridi – wegħdiet biex in-nies jitħeġġu jużaw dawn il-vetturi u mhux dawk bil-fuels, fl-istess waqt li fl-aħħar snin rajna żieda drastika fl-approvazzjoni ta’ permessi għal pompi ġodda tal-petrol.
Dwar l-Ambjent, il-Ministru tal-Finanzi ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li biex jitwessgħu t-toroq qed jinqerdu, jitqaċċtu jew jiċċaqilqu mijiet ta’ siġar. Madankollu, wiegħed li matul l-2020 se jkunu qed jinżergħu siġar f’żoni differenti iżda iżolati minn fejn jgħixu n-nies, u allura fejn hemm bżonnhom, bħall-Buskett u Ta’ Qali.
U filwaqt li l-kostruzzjoni qed tkompli bla rażan, ma offra l-ebda soluzzjoni għall-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni, bil-kuntratturi li m’għandhomx fejn jarmu l-iskart tant li fl-aħħar ġimgħat żdiedu l-każi ta’ rimi illegali, fosthom fil-widien.
//= $special ?>