Budget 2020 Lokali

Iż-żieda għall-pensjonanti diġà ttieklet

Il-Gvern jaħsel idu mill-problemi kurrenti li qed isibu ma wiċċhom l-anzjani

Bin-numru ta’ anzjani u penjonanti kull ma jmur dejjem qed jikber f’pajjiżna, u diversi persuni qed isibu ma wiċċhom numru ta’ problemi li jwassluhom f’xifer il-faqar, il-Gvern fil-Budget ħasel idejh.

Dan hekk kif minkejja diskors twil, b’dokument tal-budget ta’ madwar 100 paġna, ftit li xejn hemm referenzi għall-anzjani u l-pensjonanti bi kważi l-ebda inizjattivà ġdida mill-Gvern.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-pensjoni din se tkun ta’ €3.51ċ fil-ġimgħa; jekk tgħodd iż-żieda tal-għoli tal-ħajja li hija €3.49ċ fil-ġimgħa, l-anzjani se jkunu qed jaqilgħu €7 aktar fil-ġimgħa.  

F’dan t-tmien budget tal-Gvern Laburista, il-faxxa vulnerabbli, b’nies li jsibuha diffiċli ilaħħqu mal-ħajja, m’hemm xejn ġdid biex l-anzjani jaffaċjaw problemi riċenti li l-anzjani qed isibu ma wiċċhom, fosthom żidiet fi prezzijiet ta’ prodotti essenzjali.

Fost l-oħrajn hemm iż-żieda fil-prezzijiet tal-ħalib, li magħhom hemm żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti oħra bħal ġobon u yogurts. Żieda fil-prezz tal-ħobż u l-mediċini. Apparti dan, numru ta’ anzjani llum il-ġurnata qed jaffaċjaw problemi li jiġu mkeċċa minn darhom għax ma jifilħux iħallsu aktar il-kera.

Fi ftit kliem, is-sitwazzjoni baqgħet bħal qabel, bil-Gvern għadu ma rrealizzax il-problemi li qed isibu ma’ wiċċhom l-anzjani f’pajjiżna, bil-Gvern ta żieda li se titnaqqar f’ħakka t’għajn minħabba l-għoli tal-ħajja li pajjiżna qed jaffaċċja.

Is-solitudni tal-anzjani u l-ħarsien tagħhom baqgħu ma ġewx indirrizati, bl-ebda proġett infrastruturali jew ta’ modernizzar għal ċentri jew djar ta’ anzjani ma jiġu mħabbra.