Futbol Sport

L-Ingilterra tikseb rebħa kbira f’Sofia fost korijiet razzisti mill-Bulgari

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra tinsab pass bogħod milli taċċerta postha fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew iżda r-rebħa kbira ta’ 6-0 fil-Bulgarija kienet imtappna b’razziżmu mill-partitarji f’Sofia. Il-logħba kienet f’xifer li tiġi abbandunata wara li l-logħba twaqqfet darbtejn fl-ewwel taqsima fejn anki fl-istadium tħabbar biex jieqfu l-korijiet razzisti. Ir-rebħa tpoġġi lill-Ingliżi tliet punti vantaġġ fil-quċċata ta’ Grupp A u jikkwalifikaw awtomatikament jekk jiksbu punt fl-aħħar żewġ logħbiet kontra l-Montenegro u l-Kosovo.

MARCUS RASHFORD fetaħ l-iskor wara seba’ minuti b’azzjoni personali fuq ix-xellug u xutt mill-isbaħ. ROSS BARKLEY irdoppja fl-20 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin, bl-istess plejer jagħmilhom tlieta fit-32 minuta b’daqqa ta’ ras. RAHEEM STERLING skorja r-raba’ gowl fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’konklużjoni f’lasta vojta. L-iskor kompla jikber fid-69 minuta meta RAHEEM STERLING irċieva mingħand Harry Kane u skorja b’xutt fil-baxx, bil-captain HARRY KANE jissiġilla r-rebħa bis-sitt gowl fil-85 minuta.

L-Ukrajna saħħet postha fil-quċċata ta’ Grupp B b’rebħa fil-konfront dirett kontra l-Portugall 2-1. ROMAN YAREMCHUK fetaħ l-iskor wara sitt minuti, b’ANDRIY YARMOLENKO jirdoppja l-iskor fis-27 minuta b’xutt mill-ewwel minn kross mix-xellug. CRISTIANO RONALDO naqqas id-distakk minn penalty fit-72 minuta, f’azzjoni li fiha ġie muri t-tieni karta safra Taras Stepanenko.

Fl-aħjar logħba minn Grupp H, Franza u t-Turkija spiċċaw fi draw ta’ 1-1. OLIVIER GIROUD skorja t-tieni gowl konsekuttiva meta poġġa lit-tim Franċiż minn fuq fis-76 minuta b’daqqa ta’ ras tajba minn korner ta’ Antoine Griezmann. Kaan Ayhan ġab id-draw fit-82 minuta b’daqqa ta’ ras minn free-kick, fost il-ferħ tal-partitarji numerużi Torok fi Stade de France.

Riżultati kollha

Grupp A: Bulgarija v Ingilterra 0-6, Kosovo v Montenegro 2-0

Grupp B: Litwanja v Serbja 1-2, Ukrajna v Portugall 2-1

Grupp H: Franza v Turkija 1-1, Iżlanda v Andorra 2-0, Moldova v Albanija 0-4