Il-budget 2020 iffukat wisq fuq il-kostruzzjoni
Il-Baġit għall-2020 kellu bżonn ta’ strateġija aktar fit-tul. Hekk saħqet fi stqarrija l-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem hekk kif spjegat li filwaqt li laqat b’mod pożittiv iż-żieda fl-attenzjoni rigward il-pensjonanti kienet tkun ideali aktar kieku tħabbru aktar inċentivi sabiex il-pensjonanti jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Huma saħqu li l-attività ekonomika għandha tiġi msaħħa bi strateġiji aktar fit-tul sabiex jiġu indirizzati l-problemi li Malta qed tħabbat wiċċha magħhom kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali.
Ġie spjegat li minkejja li pajjiżna għandu rata baxxa ta’ twelid, il-popolazzjoni qed iżżid b’rata sostanzjali kawża tal-influss qawwi ta’ ħaddiema barranin.
L-MEA saħqet li dan huwa il-fattur maġġuri tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, madanakollu hija wkoll ir-raġuni għalfejn f’Malta hawn rata qawwija ta’ żvilupp fejn għandu x’jaqsam bini, il-konġestjoni ta’ traffiku li kull ma jmur qed iżżid – tniġġis fl-ambjent ta’ madwarna u ħafna effetti oħra mhux mixtieqa.
Għaldaqstant l-assoċjazzjoni insistiet li hemm bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn l-eżiġenzi t’issa u għas-sostenibilità fit-tul – hekk kif jekk dan ma jsirx jaf ikollna konsegwenzi negattivi fis-settur turistiku kif ukoll fil-ħajja ġenerali taċ-ċittadin Malti.
Sitwazzjoni oħra li kellha bżonn tiġi indirizzata kienet il-ħsara tar-reputazzjoni li pajjiżna qed isofri minnha kawża ta’ skandlu wara l-ieħor. L-MEA insistiet li l-ekonomija Maltija hija bbażata fuq ir-reputazzjoni li hija destinazzjoni sigura għall-investiment li jsostni setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-igaming.
Filwaqt li l-MEA nnotat li l-Gvern qed inewwel soluzzjoni għal dan b’numru ta’ inċentivi ambjentali – xorta waħda l-inċentivi huma wisq iffukati fuq il-kostruzzjoni – b’inqas prominenza għal aktar għal aktar setturi ekonomiċi.
Dan filwaqt li l-MEA insistiet li hemm bżonn ta’ aktar garanzija adegwati li bl-isforzi fl-edukazzjoni ikollna dħul fl-investiment fis-settur kruċjali tax-xogħol bil-għan li is-settur tal-edukazzjoni u l-industrija ikompli jingħaqdu.
//= $special ?>