Lokali

Ministri li jridu jaħbu l-verità bil-barka tal-Avukat Ġenerali – PN

Ritratt: Martin Agius

Il-PN se jibqa’ jiġġieled biex toħroġ il-verità kollha

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li t-tlett Ministri tal-Gvern Laburista Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna ma jridux li l-poplu jkun jaf il-verità dwar Egrant, ma jridux li r-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja jiġi ppubblikat u għalhekk ressqu riskors sabiex iżommu l-informazzjoni mistura.

Biex jaħbu l-verità dwar dan ir-rapport, it-tliet Ministri li huma qrib ħafna ta’ Kastilja sabu l-barka tal-Avukat Ġenerali, li suppost qiegħed hemmhekk biex jiddefendi l-interess tal-poplu.

Dawn il-Ministri tal-Gvern bl-appoġġ tal-Avukat Ġenerali, jridu jaħarbu mill-verità u jridu li jżommu l-verità moħbija mill-poplu.

Din hija sitwazzjoni surreali fejn il-Qorti Kostituzzjonali qegħda tordna Ministri biex jitilgħu jixhdu kif ikkwotaw biċċiet mir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja li ma kienux parti mill-konklużjonijiet, u minflok jgħidu l-verità jridu jevitaw li jixhdu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab determinat li jibqa’ jiġġieled sabiex toħroġ il-verità kollha.

Pajjiżna għandu dritt li jkun jaf il-verità kollha, b’mod demokratiku u fil-ħarsien sħiħ tas-saltna tad-dritt.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem qatigħ biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità kollha, u dan meta għal xi skop jew ieħor li jaf hu biss, il-Gvern Laburista jrid li jibqa’ jkollox mistur, temmet tgħid l-istqarrija.