Internazzjonali

Sirja: Movimenti tal-Armata wara l-ftehim mal-Kurdi

Il-qawwiet tal-Gvern Sirjan bdew jaslu fiz-zoni lejn it-Tramuntana tas-Sirja wara li dan il-Gvern qabel biex jgħin lill-qawwiet tal-Kurdi li qegħdin jikkonfrontaw lill-militar tat-Turkija.

L-aħħar rapporti qalu, intant, li l-qawwiet Sirjani laħqu l-inħawi ta’ Ain Issa, fin-Nofsinhar tal-fruntiera komuni mat-Turkija li l-qawwiet tagħha qegħdin jinsistu b’offensiva fuq il-gruppi Kurdi ( fis-Sirja) meqjusa bħala ‘terroristi’.

L-amministrazzjoni tal-Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja qalet, qabel, li waslet fi ftehim mal-Gvern Sirjan biex jistazzjona l-militar tiegħu mal-fruntiera. Ingħad li l-istazzjonar għandu jgħin lill-ġellieda Kurdi tal-SDF ‘biex jikkonfrontaw l-aggressjoni tat-Turkija waqt li jilliberaw l-inħawi Sirjani okkupati mill-Armata Torka u l-merċenarji tagħhom’,

Il-ftehim intlaħaq ukoll wara li l-Istati Uniti, alleata tal-Kurdi, qalet li kellha tirtira s-suldati Amerikani li għad fadal fit-Tramuntana tas-Sirja.

It-Turkija bdiet l-offensiva bil-ħsieb speċifiku li tkeċċi lill-qawwiet Kurdi mir-reġjun tal-fruntiera. Fl-aħħar jiem, iz-zoni taħt l-SDF ġarrbu l-bumbardamenti intensivi, bit-Turkija tirrapporta ‘suċċessi militari’ f’żewġt ibliet tal-Kurdi ġol-istess reġjun.