Il-Qorti Suprema tal-Istat ikkundannat disa’ mexxejja separatisti Katalani għal bejn disa’ u 13-il sena ħabs għar-rwol tagħhom fir-referendum fallut tal-2017 għal reġjun tal-Katalonja indipendenti minn Spanja.
Il-kundanna kienet dwar ‘azzjoni fuq livell ta’ rewwixta kontra l-Istat’, bi tliet akkużati oħra jeħlu multi dwar ‘diżubbidjenza ċivili’ iżda l-ebda mandati ta’ priġunerija.
It-12-il politiċi u attivisti taħt akkuża kienu kollha ċaħdu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom.
Intant, is-separatisti f’Katalonja, fl-aħħar sigħat kienu qegħdin jippjanawu u jħejju sensiela ta’ azzjonijiet ta’ diżubbidjenza ċivili għall-massa.
Min-naħa tiegħu, Carles Puigdemont, l-eks President Katalan li fl-2017 ħarab minn Spanja qabel seta’ jispiċċa arrestat, sostna li s-sentenzi ‘b’total ta’ 100 sena ħabs’ li ngħataw lill-kapijiet Katalani kollegi ‘iridu jitqiesu daqslikieku atroċità’.
Il-prosekuzzjoni kienet talbet biex Oriol Junqueras, l-eks Viċi-President tal-Katalonja, jingħata 25 sena ħabs u, fil-fatt, Junqueras – bħala l-aktar separatista bi grad għoli li tressaq quddiem il-ġuri – weħel 13-il sena priġunerija bħala ‘protagonista fl-azzjoni kontra l-Istat’ u għall-użu ħażin tal-fondi pubbliċi.
//= $special ?>