Internazzjonali

Ungerija: L-Oppożizzjoni tieħu r-ruħ mid-disfatta ta’ Orban

Viktor Orban

Il-partiti tal-Oppożizzjoni fl-Ungerija mistennija jiggwadanjaw minn disfatta elettorali għall-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, filwaqt li jsaħħu l-alleanza kontra l-istess Orban li, fl-aħħar snin, kiseb reputazzjoni bħala ‘l-avversarju tad-demokrazija liberali’.

Il-partit ta’ Orban, fi tmiem il-ġimgħa, tilef il-kontroll ta’ Budapest u erba’ mill-akbar bliet fil-pajjiż, bir-riżultati tal-elezzjonijiet lokali jitqiesu bħala ‘ċanfira’ lill-Prim Ministru wara li ħareġ filmat dwar ‘l-imġiba mhix aċċettabbli’ minn alleat ta’ Orban.

Filwaqt li l-wirja tajba tal-Oppożizzjoni ma kenitx daqstant mistennija f’dawn l-elezzjonijiet, il-partiti ta’ kontra Orban — li għall-ewwel darba ngħaqdu wara kandidati konġunti — issa ngħataw l-ispinta biex jibnu fuq is-suċċess.

Gergely Karacsony, eks sindiku tad-distrett f’Budapest, kiseb l-aktar rebħa sinifikanti fil-proċess elettorali tal-Ħadd, fejn spiċċa megħlub Istvan Tarlos, is-sindku tal-kapitali Ungeriża u sostenitur ta’ Orban. Karocsony, intant, qal li ‘din l-elezzjoni wriet li s-saħħa tal-poplu hi akbar minn tal-persuni bir-riedni tal-poter’.

It-telfa ta’ Budapest hi sinifikanti għal Orban li hu fost l-aktar mexxejja populisti ta’ profil għoli fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt id-disfatta partikulari hi l-akbar diżappunt elettorali għalih tul l-aħħar għaxar snin u wara li l-Partit Fidesz (fil-Gvern) tiegħu kien kiseb seba’ rebħiet konsekuttivi fl-elezzjonijiet nazzjonali.