Lokali

40 sena mill-jum iswed fl-istorja politika ta’ Malta

40 sena ilu, il-15 ta’ Ottubru 1979, jum tassew ikrah fl-istorja politika Maltija.

Avvenimenti li jibqgħu imfakkra bħala t-Tnejn l-Iswed, meta grupp ta’ partitarji Laburisti mhux biss kissru tliet każini tal-Partit Nazzjonalista iżda attakkaw u kissru d-dar tal-familja tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami ….u kissru u ħarqu l-istamperija tat-Times of Malta fil-Belt Valletta.

Din il-vjolenza titpoġġa fil-kuntest tal-vjolenza politika li kienet titwettaq dak iz-zmien u li fiha partitarji Laburisti kienu organizzati biex jattakkaw attivitajiet politiċi tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Attakki sistematiċi li fihom mhux biss tkissru l-każini iżda kienu feruti gravament in-nies. Infatti dak inhar il-partitarji Laburista kienu ħarqu u kissru l-każini Nazzjonalisti tal-Floriana, tal-Belt Valletta u ta’ Birkirkara. Waqt li kien qed isir dan it-tkissir…l-Istazjon Nazzjonali jxandar gidba u jgħid li partitarji Nazzjonalisti qed ikissru l-Każin Laburista ta’ Birkirkara, meta għall-kuntraraju kien il-każin Nazzjonalista li kien qiegħed jitkisser.

Wara l-attakki fuq l-istamperija tat-Times, il-gazzetta Times of Malta mill-għada sat-3 ta’ Novembru baqgħet tiġi stampata fl-istamperija tal-Partit Nazzjonalista.

Issoktaw manifestazzjonijiet kbar inkluż mass meeting fl-20 ta’ Ottubru fi Triq il-Kbira f’Birkirkara. Hemm kien sar appell minn Eddie Fenech Adami, appell ta’ Kap li fittex l-għaqda u l-kalma, meta saħaq li l-PN se jibqa’ jiddefendi d-drittijiet tal-Maltin, tal-libertà tal-espressjoni.

Theddida li llum, f’Malta qed issir b’metodi differenti bil-PN  jibqa’ t-tarka tal-libertà u l-ġustizzja.