Lokali

BirdLife Malta diżappuntata li l-baġit ftit li xejn jirreferi għall-ħarsien tal-ħabitati naturali

BirdLife Malta tinsab diżappuntata li l-baġit ftit li xejn jirreferi għall-ħarsien tal-ħabitati naturali, b’mod partikolari l-ODZ li ma jidhirx li qed jingħataw xi importanza partikolari. Bħala ghaqda kienu qed nistennew li fil-Baġit il-Gvern iwaqqaf jew għall-inqas iħabbar li beda jaħdem fuq it-twaqqif ta’ Wildlife Crime Unit – xi ħaġa li BirdLife Malta u numru ta’ NGOs ambjentali oħrajn ilhom jisħqu fuqha u hemm qbil dwarha. BirdLife Malta se tibqa’ taħdem bis-sħiħ biex tikkonvinċi lill-Gvern biex jieħu l-protezzjoni tal-bijodiversità f’Malta bis-serjetà – xi ħaġa li, almenu s’issa, ma jidhirx li tinsab fuq l-aġenda.

Minn naħa l-oħra, BirdLife Malta tilqa’ b’sodisfazzjon numru ta’ miżuri favur l-ambjent li tħabbru fil-Baġit għas-sena d-dieħla, iżda tinsab diżappuntata li ma ngħatatx biżżejjed importanza lil inizjattivi relatati direttament mal-bijodiversità u l-ħarsien tan-natura fosthom is-sejħa tagħha u ta’ diversi NGOs oħrajn biex f’Malta jkollna taqsima speċjalizzata u armata li tiġġieled reati kriminali marbutin man-natura.

Fi stqarrija, il-bird life stqarret li tinsab sodisfatta li l-Gvern sa fl-aħħar se jkun qed jippubblika l-istudji relatati mal-mina bejn Malta u Għawdex. Inħarsu ’l quddiem biex naraw x’jgħidu dawn l-istudji. Nilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li se jiżdiedu l-proġetti ta’ afforestazzjoni f’zoni urbani u naħsbu li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba bħalma hija proposta pożittiva wkoll dik li jissaqqfu l-mini ta’ Santa Venera biex jinbidlu fi spazju miftuħ tant meħtieġ f’dawn l-inħawi.

Naħsbu li l-akbar qabżiet ambjentali li qed jipproponi l-Baġit 2020 huma dawk marbutin mal-inċentivi biex jintemm l-użu tal-plastik u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mas-Single-Use Plastics. Naqblu mal-projbizzjoni tal-basktijiet tal-plastik, cutlery, straws u platti tal-plastik mill-bidu tas-sena 2021 u l-projbizzjoni totali mill-bidu tas-sena ta’ wara. Ta’ min ifaħħar l-inizjattiva biex il-ħwienet jiġu megħjuna finanzjarjament biex joħolqu Green Corners fejn jinbiegħu prodotti skont il-piż u l-klijenti jagħmlu użu mill-kontenituri tagħhom stess.

BirdLife Malta tilqa’ wkoll b’mod pożittiv l-inċentivi mħabbra biex jitnaqqas l-impatt tal-karozzi fuq it-tniġġis tal-arja, it-tnedija ta’ konnessjonijiet ġodda bil-baħar bħala mezzi alternattivi ta’ trasport minn post għal ieħor, l-introduzzjoni ta’ tariffa mnaqqsa biex wieħed jiċċarġja l-karozza elettrika d-dar, u anke l-aħbar li se tkun qed tiġi rakkomandata data meta se tieqaf għalkollox l-importazzjoni tal-vetturi li jniġġsu.