Budget 2020 Ekonomija Lokali

Budget li ma jindirizzax il-problemi reali tal-poplu Malti – SĦPN

Għal darb’oħra l-Gvern Laburista reġa’ ppreżenta budget bħala eżerċizzju ta’ marketing sabiex inessi l-problemi reali li diversi setturi f’pajjiżna qegħdin jaffaċċjaw, anke ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tirriflettix kemm realment kellna żieda qawwija fi prodotti essenzjali matul din is-sena.

L-SĦPN ssostni li dan il-Gvern għandu l-prassi li wara li jgħaddi l-budget jibda jintroduċi taxxi ġodda bħal fil-każ taż-żidiet ta’ 5ċ kull litru fil-prezz tal-fuels, iż-żidiet fil-prezzjiet tal-ħobż u l-ħalib fost l-oħrajn.

Dawn apparti li l-prodotti tal-ikel oħrajn għolew b’medja ta’ 4% matul din is-sena. Dan ifisser li b’matematika sempliċi jekk familja tonfoq €100 fil-ġimgħa fi prodotti tal-ikel, miżerjament se tkun sofriet żidiet ta’ €4. U jekk tagħti 20 litru petrol jew diesel lill-karozza tkun qed tonfoq €1 iktar fil-ġimgħa. Għalhekk iż-żieda ta’ €3.49 mhi se ssolvi xejn. 

L-SĦPN tħoss li dan il-Gvern ikabbar l-ekonomija – biż-żieda fil-popolazzjoni.

F’dan il-budget ma ssemma l-ebda settur ġdid ieħor, l-ebda inizjattiva ġdida fil-qasam tal-impiegi u l-ebda miżura favur l-għalliema u tas-settur tal-edukazzjoni, l-ebda miżura biex inżidu ħaddiema fis-settur tas-saħħa u biex intejbu l-kundizzjonijiet tagħhom. L-SĦPN tħoss li dan il-budget reġa’ kien eżerċizzju tajjeb ta’ marketing, li mad-daqqa t’għajn jidher tajjeb għax mimli bit-tlellix, u li faċli jaljena lill-poplu. Il-ħaddiema, l-middle class u l-familji iżda jafu li r-realtà hija ferm differenti u li dan il-budget ma jinkludi l-ebda miżura biex jingħelbu d-diffikultajiet u l-problemi li ħoloq il-Gvern stess. 

L-SĦPN fl-istqarrija jawgura li matul is-sena, l-Gvern Laburista ma jibqax iżid taxxi ġodda, għalkemm kif qal il-Ministru tal-Finanzi, id-dettalji se jtihomlna iktar tard!.