Budget 2020 Lokali

Budget li nesa wkoll lin-nisa

Il-Budget 2020 se jibqa’ jitfakkar mhux biss għal mod kif ma affaċjax il-problemi kurrenti li pajjiżna qiegħed jaffaċja, iżda wkoll għal mod kif il-Gvern Laburista nesa lill-mara fis-soċjetà.

Dan qalu l-Kap tal-PN Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarjiet fejn kien mistoqsi liema huma l-aktar temi li l-Gvern nesa jitkellem dwarhom, jew m’għamilx referenza għalihom. Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista ma ndirrizax il-gender pay gap, u kif il-mara se taffaċċja dawn in-nuqqasijiet u oħrajn li qed issib quddiem wiċċha.

Dan il-kumment kien komuni wkoll ma’dak li qal il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa f’kummenti lil Net News. Il-President, Mary Gearty, qalet li għalkemm in-nisa huma aktar min-nofs il-populazzjoni Maltija, il-Gvern ma semma’ xejn dwar il-mara fis-socjetà tagħna.

Ironika għall-aħħar għall-Gvern Laburista li jgħid li hu l-aktar Gvern femminista fl-istorja ta’ Malta, biex imbghad fil-Budget, ma jagħmilx referenza għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-mara fis-soċjetà Maltija.