Ħames nisa Franċiżi kienu kundannati għal bejn ħamsa u 30 sena ħabs talli kienu pruvaw itajjru karozza-bomba viċin il-katidral ta’ Notre-Dame, f’Pariġi. L-attentat ippjanat imur lura għal Settembru tal-2016 u l-każ hu l-ewwel li jinvolvi grupp ta’ nisa li kienu qed jippruvaw iwettqu attakk Iżlamista fi Franza.
Il-pulizija, dakinar, sabu l-karozza-bomba, tat-tip Peugeot, ipparkjata viċin il-katidral ( u f’zona popolari mat-turisti), bit-tfittxija sussegwenti tiżvela kwantità ta’ ċilindri tal-gass flimkien ma jerrycans tad-diesel u sigarett nofsu-mpejjep fil-vettura.
L-affarijiet fil-vettura kienu mxarrbin bil-fuel iżda s-sigarett naqas milli jqabbad splużjoni. Madankollu, l-investigaturi qalu li l-attentat x’aktarx li kien jirnexxi li kieku n-nisa ‘ma għażlux tip ta’ fuel li hu diffiċli li jieħu n-nar’.
L-etajiet tal-akkużati — li kollha konvertew għall-Iżlam — ivarjaw minn 22 sa 42 sena.
Waħda minnhom, Ines Madani, kienet tippoża bħal ‘raġel militanti Iżlamiku’ biex tirrekkluta n-nisa għal mal-grupp terroristiku ISIS. Hi weħlet 30 sena ħabs waqt li l-erba’ nisa l-oħra ngħataw sentenzi ta’ priġunerija anqas.
L-avukat ta’ Madani fisser is-sentenza bħala ‘eċċessivament ħarxa’ peress li ma rriżultawx vittmi b’riżultat tal-attakk fallut. Dan meta l-prosekuturi kienu talbu biex erba’ mill-imputati f’dan il-każ jingħataw priġunerija għal għomorhom.
//= $special ?>