Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, insista li x-xelters li jipprovdu refuġju lin-nies kull meta l-pajjiż jintlaqat minn xi tifun ‘għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd’, irrispettivament mill-istatus tagħhom. Dan wara li żewġ persuni mingħajr forma ta’ akkommodazzjoni spiċċaw imkeċċija minn xelter waqt l-eqqel tat-Tifun Hagibis, li ġab l-agħar maltemp fil-Ġappun għal għexieren ta’ snin.
‘Hagibis’, fi tmiem il-ġimgħa, iġġenera xita qawwija u rwiefen b’veloċità ta’ 225 kilometru fis-siegħa, bir-riżultat li talanqas 66 tilfu ħajjithom fil-Ġappun.
Iżda meta żewġ irġiel kienu ppruvaw jużaw xelter f’Tokjo, huma ma kinux aċċettati minħabba li ma kellhomx indirizz fiss. Il-każ ħoloq dibattitu kbir fil-Ġappun fejn mhux kulħadd wera simpatiji mal-persuni partikulari.
Wieħed mill-irġiel, li għandu 64 sena, ma tħalliex jidħol fi skola primarja f’zona ta’ Tokjo u li kienet qed tintuża bħala ċentru għall-evakwazzjoni. Meta qalilhom li kellu ‘indirizz’ fuq il-gżira ta’ Hokkaido (mijiet ta’ mili ’l bogħod minn Tokjo) hu xorta kien rifjutat il-kenn mill-gwardjani taċ-ċentru.
Intant, fl-istess ġurnata, raġel ieħor ukoll ma kienx aċċettat minn dak iċ-ċentru minkejja l-periklu tat-tifun.
Id-dettalji tal-każi saru magħrufa fuq il-midja soċjali u ħafna esprimew għadab għall-mod kif l-irġiel kienu trattati. Iżda kien hemm ukoll min wieġeb li ‘nies mingħajr djar u bi problemi mentali u tal-iġene m’għandhomx ikunu permessi fix-xelters’.
Il-każ kien ukoll trattat fil-Parlament, fejn Shinzo Abe kien mitlub għad-dettalji u fejn sostna li ċ-ċentri għall-evakwazzjoni jridu jippermettu lin-nies kollha evakwati’. Hu kompla li l-awtoritajiet se jirrevedu l-każ u jieħdu azzjoni xierqa skont iċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>