Ftit sigħat biss wara li l-Ministru tal-Finanzi ppreżenta l-budget għas-sena d-dieħla, hu stess diġa qed jammetti li hemm sfidi li l-Gvern għadu jrid jindirizza.
Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ dan l-istazzjon fejn kien iffaċċjat mill-fatt li l-Gvern ma offra l-ebda inċentiv biex iktar żgħażagħ jidħlu jaħdmu f’setturi fejn hawn nuqqasijiet kbar.
Fost dawn fis-settur tal-edukazzjoni, fejn m’hawnx biżżejjed għalliema għal suġġetti bħall-matematika, Ingliż u Informatika tant li l-MUT kkritikat il-budget bħala wieħed xott għall-qasam tal-edukazzjoni waqt li l-UPE qalet li l-Gvern ma ndirizzax il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, la l-Ministru tal-Finanzi u lanqas id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ma qalulna x’inizjattivi ħadu biex iħeġġu ikta żgħażagħ jagħżlu l-professjoni ta’ edukaturi jew xogħol fil-qasam tas-saħħa.
Anzi l-Ministru Edward Scicluna pprova jpinġi din il-problema bħallikieku xi ħaġa normali.
L-għada tal-baġit, it-tnejn li huma saħansitra spiċċaw jelenkaw sensiela ta’ problemi li għandu l-pajjiż, f’konferenza tal-aħbarijiet li sejħu biex jiftaħru bil-budget. Chris Fearne saħansitra ta lista sħiħa ta’ sfidi li għandu pajjiżna.
//= $special ?>