Fil-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia lill-Avukat Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport Egrant fl-intier tiegħu, il-Qorti kostituzzjonali llum ordnat biex it-tliet Ministri tal-Gvern Laburista Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona, jippreżentaw fi żmien jumejn kopja tar-risposta li kienu taw fil-proċeduri tal-Qorti tal-Magistrati iktar kmieni din is-sena.
Fiha kienu ikkwotaw biċċiet mir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja mir-rapport Egrant li m’humiex fil-konklużjonijiet ippubblikati mill-Avukat Ġenerali, meta kienu qed iwieġbu għat-talba ta’ Inkjesta Maġisterjali ta’ Repubblika dwar il-korruzzjoni fil-kuntratt tal-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi.
Kien hawn li l-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li t-tliet Ministri huma suspettati li kisru l-liġi kriminali u għalhekk biss ma jistgħux jiġu mġiegħla jixhdu.
Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li issa se jdur lejn il-Prim Ministru u jisfidah jieħu l-passi kontra tliet Ministri li ġew iddikjarati mill-ogħla Qorti tal-pajjiż li huma suspettati li huma kriminali.
Il-Partit Nazzjonalista qal li issa Joseph Muscat irid juri issa bil-fatti, u mhux bil-pożi, li jirrispetta l-Qorti Kostituzzjonali u jieħu passi kontra l-Ministru tiegħu u li għalihom jwieġeb huwa politikament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jfakkar lil Joseph Muscat fi kliemu stess qabel l-2013: “Min ma jiġġieledx il-korruzzjini, huwa hu korrott”.
Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni jiddikjara li ser jibqa’ jara li l-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità u l-verità kollha dwar il-korruzzjoni li fniet Gvern u pajjiż.