L-Istati Uniti imponiet is-sanzjonijiet fuq il-Ministeri u uffiċjali għoljin tal-Gvern fit-Turkija bi tweġiba għall-offensiva militari li l-Armata Torka qed tmexxi kontra l-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDM) taħt it-tmexxija tal-Kurdi, fit-Tramuntana tas-Sirja.
Il-President Amerikan, Donald Trump, fl-istess ħin, kellu kuntatt bit-telefon mal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, fejn insista miegħu biex jiddikjara waqfien mill-ġliedimmedjat fiz-zona fejn għaddejjin il-battalji.
Sadanittant, il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, qal li kien qed jaħseb biex jivvjaġġa lejn dak ir-reġjun mill-aktar fis possibbli.
L-aħħar reazzjonijiet minn Washington seħħew wara l-kritika qalila għad-deċiżjoni ta’ Donald Trump biex jirtira lis-suldati Amerikani mir-reġjun delikat partikulari ( fis-Sirja). Dan meta l-irtirar witta t-triq għat-Turkija biex tibgħat il-qawwiet tagħha fis-Sirja biex ikeċċu lill-qawwiet tal-SDM mill-inħawi mal-fruntiera. S’issa mietu l-għexieren ta’ ċivili fl-offensiva, b’aktar minn 160,000 jaħarbu miz-zona tal-ġlied.
It-Turkija qed taħseb biex twaqqaf zona tas-sigurtà fl-istess inħawi bil-għan li tirriloka hemmhekk maż-żewġ miljun refuġjat Sirjani li, għalissa, qed iżżommhom fl-artijiet tagħha. Iżda ħafna minn dawn ir-refuġjati mhumiex Kurdi u l-kritiċi wissew li l-pjan tat-Turkija kapaċi tirriżulta fit-tindif etniku tal-popolazzjoni tal-Kurdi lokali.
//= $special ?>