Futbol Sport

Jake Grech magħżul il-Plejer tax-Xahar għal Awwissu

Il-midfielder ta’ Hibernians Jake Grech rebaħ il-BOV Plejer tax-Xahar għal Awwissu. F’dan ix-xahar li fih ingħata bidu għall-Kampjonat Premier, Hibernians kisbu draw ta’ 1-1 kontra Gudja United u għelbu lil Tarxien Rainbows 4-1.

Fl-ewwel logħba tal-kampjonat, Grech kien ġab id-draw fit-52 minuta, żewġ minuti biss wara li Gudja kien fetħu l-iskor. Il-midfielder ta’ 21 sena skorja b’konklużjoni preċiża u fil-baxx li għelbet lil Jonathan Debono.

Fit-tieni konfront, Jake Grech rebaħ ukoll il-BOV Plejer tal-logħba. Hu mexxa l-attakki ta’ Hibernians u kien involut direttament fi tlieta mill-erba’ gowls Pawlisti. Grech laqat il-wieqfa wara 20 minuta u erba’ minuti qabel tmiem it-taqsima, tefa’ kross preċiż lejn Terence Groothusen li skorja b’daqqa ta’ ras. L-iskor sar 3-1 fil-50 minuta b’Leonardo Nanni jqabbeż fuq Rudy Briffa wara li rċieva passaġġ fit-tul mingħand Grech. L-eks plejer ta’ Ħamrun ta’ free-kick malajr u ġab lil Joseph Mbong f’pożizzjoni tajba biex skorja r-raba’ gowl.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing tal-BOV Charles Azzopardi ppreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Awwissu. Jake Grech għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.