- Beppe Fenech Adami, PN
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal fil-parlament li l-impunità li kien hawn fil-pajjiż taħt il-gvern Laburista ta’ Mintoff wasslet għall-vjolenza tal-15 ta’ Ottubru 1979 u li kienet l-istess kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fl-Aġġornament tal-parlament Beppe Fenech Adami fakkar l-40 sena mill-15 ta’ Ottubru 1979; l-iktar ġurnata kerha fl-istorja riċenti tal-pajjiż meta marmalja Laburisti protetti, slavaġġ, kriminali u mqabbda tterrorizzaw pajjiż. Dawn rikbu fuq xarabanks u vjaġġaw minn lokal għall-ieħor bil-libertà kollha u kissru l-każini Nazzjonalisti tal-Floriana, l-Valletta, ħarqu The Times, kissru l-każin Nazzjonalista ta’ Birkirkara u kissru d-dar tal-familja tiegħu. Hu qal li jiftakar kif dakinhar ommu telqet mid-dar għall-quddies tas-7.15 p.m. u ħalliet lilu, lit-tliet ħutu u nanntu ta’ 82 sena d-dar.
Dakinhar hu li kellu biss 12-il sena u esperjenza ħsejjes u tkisser, sfrundar tal-bieb ta’ barra u ra għexieren ta’ nies li daħlu jkissrulhom dahrom. Din kienet folla li farrket dak kollu li sabet quddiemha b’persuni jiddendlu mal-linef, nies jaqilgħu l-bozoz minn mal-ħajt, nies jaqilbu l-grandfather clock u jfarrkuh, 15-il persuna jissussaw il-poġġaman tat-taraġ biex ikssruh, nies jaqbdu l-kxaxen u jitfgħuhom f’nofs it-triq, nies jaqilbu l-istudju ta missieru u jfarrkuh.

Hu u ħutu iżgħar minnu ħarbu mid-dar u telgħu fuq waqt li hu beda jfittex lil ħutu fl-istess ħin li l-marmalja bdiet tiela’ fuq. Ommu waslet lura d-dar u pprovat tidħol biex issalvahom iżda ma sabithomx. Il-marmalja tatha xebgħa, ċarrtulha l-imsielet u tawha bis-sieq iżda hi ħarbitilhom u bdiet tgħajjat lit-fal biex jaqbżu fuq bejt ieħor, sular ‘l isfel.
Beppe Fenech Adami rakkonta kif niżżlu lil nannthom minn fuq dan il-bejt waqt li l-marmalja tkompliet tkisser. Il-poplu m’għandux jinsa’ minn fejn telaq f’dan il-pajjiż.
Ma rridux nerġgħu nagħmlu l-iżbalji tal-passat. Dak iż-żmien kien hawn l-impunità fejn kriminali magħrufa setgħu jagħmlu li jridu u ma jwaqqafhom ħadd sakemm il-pajjiż wasal għal daww l-inċidenti. Dakinhar flok kundanna għal dak li sar kien hemm l-akkuża li dan kien tort ta’ Eddie Fenech Adami għax kien qed ixewwex lin-nies. Dawn in-nies kriminali kienu jiġu protetti kuljum tant li tterrorizzaw pajjiż; li għadda mill-kalvarju tas-snin ta’ wara ġħax kien hawn il-kultura tal-impunità. Konna naħsbu li dak iż-żmien tat-terrur spiċċa mal-bidla fil-gvern tal-1987. Konna naħsbu li fil-pajjiż daħlet il-kultura li ma tipproteġix lill-kriminali.
Beppe Fenech Adami qal li l-pajjiż qed ifakkar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kellha l-kuraġġ li tikteb u tikxef lill-korrotti. Anki hawn inħolot l-impunità, sostna Beppe Fenech Adami, li semma’ l-kampanja intenzjonata biex tinħoloq l-impunità li wasslet għal traġedja.

Il-poplu Malti, bħall-1979, se jfakkar dan l-avveniment tal-qtil ta’ Caruana Galizia għaliex fil-pajjiż ħadd ma kien jaħseb li se jkun hwn xi ħadd tant komdu li jippjana li jwettaq qtil bla ma jinqabad.
Dan il-gvern falla milli jinvestiga u li jkunu proċessati n-nies krorotti. Il-poplu issa qed iħallas prezz ogħli għal dan. Daphne ħallset prezz ogħli għall-impunità ta’ dan il-gvern; ħallset b’ħajjitha. Il-poplu kollu jrid jifhem li dan il-pajjiż m’għandux jitħalla jmur lura għaż-żminijiet diffiċli tal-passat.
Hu appella lil kulħadd jifhem is-sitwazzjoni għax jekk il-polu mhux se jipprotesa u jirreżisti din il-kultura ta’ impunità allura se jitħallas prezz ogħli ħafna.
//= $special ?>