Lokali Unjoni Ewropea

“M’aħna se nieqfu qatt. M’aħna se nċedu qatt” – David Casa

“Irridu niżguraw li dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia ma jerġax iseħħ. Aħna se nibqgħu nfakkru lil Daphne Caruana Galizia, li ssagrifikat tant għall-valuri komuni Ewropej tagħna. U għandi messaġġ wieħed għall-imħuħ wara l-qtil tagħha: M’aħna se nieqfu qatt. M’aħna se nċedu qatt.”

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal dan waqt li kien qed jindirizza lill-mistednin waqt il-ftuħ ta’ wirja fotografika li hu organizza fil-Parlament Ewropew u li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia, bl-isem ‘Daphne – Il-Vuċi li Għada Magħna’.

Din il-wirja tar-ritratti turi x-xogħol ta’ wħud mill-aktar fotografi prominenti f’Malta – Darrin Zammit Lupi, Matthew Mirabelli, Paul Borg Olivier, Rene Rossignaud, Jonathan Borg, Daniel Cilia, kif ukoll is-Servizzi tal-Fotografija tal-Parlament Ewropew – li wrer il-mod li bih Daphne Caruana Galizia ser tibqa’ mfakkra f’Malta, hekk kif l-poplu Malti għadu qed jipprova jifhem x’ġara u jkompli jinsisti li ssir ġustizzja.

Fid-diskors tiegħu, il-MPE u l-Kwestur David Casa rringrazzja lis-soċjetà ċivili talli żżomm il-memorja ta’ Daphne ħajja kuljum, u talli tħaddan il-valuri li kienet temmen fihom hi.

L-eks President tal-Parlament Ewropew u l-President attwali tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati Antonio Tajani insista li se jkompli jaħdem biex jiżgura li l-imħuħ wara l-qtil ta’ Daphne jitressqu quddiem il-qorti. “Aħna rridu nkunu nafu min iddeċieda li dan il-qtil għandu jseħħ. Hemm bżonn li naħdmu flimkien. Huwa faċli li nfakkruha, imma huwa iktar diffiċli biex nimxu f’din id-direzzjoni. Qatt m’aħna ser nisktu. Qatt m’aħna ser nabbandunaw din il-battalja, għax din il-battalja hija favur il-libertà. “

Il-ftuħ tal-wirja kienet indirizzata ukoll minn Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti.

IL-MPE Rumen Cristian Tehreş mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi qal li minbarra li kienet ġurnalista, Daphne Caruana Galizia kienet omm u mara. “Ċerti nies ħasbu li billi tiġi assassinata, hi ser tieqaf. Kienu żbaljati. Din hija l-verità. Armata ta’ nies, aktar u aktar nies issa huma konxji ta’ din il-kwistjoni u tal-importanza tal-libertà tal-midja.”

IL-MPE Grieg Stelios Kouloglou mill-Grupp tax-Xellug qal li Daphne Caruana Galizia se tibqa’ fil-memorja tal-Parlament Ewropew. “Fil-ħames snin li ġejjin, m’aħniex ser nieqfu imqar għal minuta waħda. Se nirreferu għal dan il-qtil f’kull okkażjoni possibbli. Aħna se nsiru ħolma kerha għal min qatilha.”

Thomas Gibson, mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti qal li l-wirt li ħalliet Daphne huwa l-mobilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali dwar il-libertà tal-istampa b’mod li l-pressjoni fuq il-każ, anke jekk sentejn wara, għada tinħass sew. “Se nibqgħu f’sitwazzjoni fejn hemm impunità fi Stat Membru tal-UE? Ma nistgħux nippermettu li dan iseħħ, u huwa għalhekk li nhar l-Erbgħa, hemm velji madwar id-dinja: fil-Belt Valletta, Berlin, Brussell, Vjenna, Ruma, Praga u Sydney. “

Pia Zammit, attivista u attriċi Maltija, qalet li dawk li qatlu lil Daphne, ma rnexxielhomx isikktuha, iżda sempliċement qajmu l-armata tagħha. “L-armata tagħha mhix ser tistrieħ sakemm il-familja tagħha u pajjiżha jkollhom ġustizzja. L-armata tagħha mhix ser tistrieħ waqt li l-korruzzjoni, l-impunità u t-terrur ikomplu jirrenjaw. L-armata tagħha mhix ser tistrieħ.”

Numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, Kummissarji Ewropej innominati, attivisti kif ukoll impjegati tal-Parlament Ewropew attendew għall-ftuħ tal-wirja, li ser tibqa’ miftuħa fid-daħla tal-Parlament Ewropew sa nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru 2019.

Dan il-filmat qasir jiġbor l-aqwa siltiet tal-ftuħ tal-esebizzjoni: https://bit.ly/2ORmrID