Lokali

Numru ta’ Maltin jinqabdu fi Spanja minħabba protesti kbar

EPA-EFE/QUIQUE GARCIA

Numru ta’ Maltin kellhom jagħmlu arranġamenti speċjali, jaqbdu titjiriet minn ajruporti oħra jew jestendu ż-żjarat tagħhom fi Spanja minħabba protesti kbar f’dan il-pajjiż.

Il-protesti huma riperkussjoni ta’ sentenza ta’ Qorti Spanjola li kkundannat numru ta’ mexxejja separatisti b’sentenzi ta’ ħabs li jvarjaw bejn id-disa’ u t-13-il sena. Dan wara li fl-2017 mexxew irvellijiet bl-iskop li jiksbu l-indipendenza tal-Katalunja.

L-iktar wieħed li ntlaqat mill-ġustizzja kien Oriol Junqueras, l-eks deputat mexxej tal-Katalunja, li kien kundannat 13-il sena ħabs fuq akkużi li inċita l-irvellijiet u b’miżappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Fost l-iktar milquta mill-protesti tal-aħħar sigħat kien hemm dawk f’Barċellona, fejn mijiet ta’ persuni ħonqu l-ajruport u t-terminals bil-konsegwenza li kkawżaw dewmien kbir jew saħansitra kanċellazzjoni tat-titjiriet.

Fost dawn il-kumpanija Vueling, li topera l-ikbar ammont ta’ titjiriet mill-ajruport ta’ El Prat ta’ Barċellona. Fost it-titjiriet kanċellati kien hemm dik lejn Malta, li kellha titlaq minn Spanja lbieraħ filgħaxija.

Il-protesti kienu mifruxa tant li fil-pajjiż ġew rappurtati problemi kbar ta’ traffiku kif ukoll interruzzjonijiet tas-servizz tat-tren wara li numru ta’ dimostranti nvadew l-istazzjoni ta’ Girona u numru ta’ stazzjonijiet oħra.