Il-kowċ tal-Gżejjer Faroe Lars Olsen mhux qed jistenna xejn għajr rebħa kontra t-tim nazzjonali Malti. Din se tkun l-aħħar logħba uffiċjali ta’ Olsen fil-Gżejjer Faroe bħala kowċ nazzjonali wara tmien snin fit-tmexxija. Hu jixtieq li jispiċċa fuq nota pożittiva u kif ammetta hu stess, ikun ta’ diżappunt jekk huma jerġgħu jkunu megħluba mit-tim Malti.
Olsen qal li t-tim Malti jiddefendi tajjeb ħafna u jħalli ftit opportunitajiet ta’ skor filwaqt li jistgħu jkunu perikolużi fil-kontrattakki. Hu anki jinsab konxju li l-kowċ nazzjonali Malti serraħ xi plejers fosthom Steve Borg u Michael Mifsud.
Il-Gżejjer Faroe ġejja minn telfa ta’ 3-0 f’darha kontra r-Rumanija, iżda din it-telfa waslet bi tliet gowls fl-aħħar kwarta. Minbarra t-telfa ta’ punti, Olsen għandu żewġ plejers li weġġgħu f’dan il-konfront u jinsabu dubjużi għal-lum. Olsen qal li minkejja li kellhom prestazzjoni pożittiva, xorta spiċċaw fuq in-naħa telliefa.
Preżenti wkoll għall-konferenza stampa d-difensur Atli Gregersen li fl-età ta’ 37 sena se jkun ukoll qed jilgħab l-aħħar logħba f’pajjiżu mat-tim nazzjonali. Hu qal li ilhom jistennew dan il-konfront mit-telfa li sofrew f’Ta’ Qali f’Marzu li għadda. Għaldaqstant huma se joħorġu biex jiksbu r-rebħa filwaqt li jixtieq li l-partitarji tagħhom jagħtu tislima xierqa lil Olsen.
//= $special ?>