Futbol Sport

Ray Farrugia jisħaq dwar l-importanza li tista’ tħalli rebħa llum

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia saħaq dwar l-importanza tal-konfront tal-lum kontra l-Gżejjer Faroe f’Torshavn. Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, Malta tinsab tliet punti fuq il-Gżejjer Faroe u rebħa llum tfisser li Malta ma tispiċċax fil-qiegħ tal-grupp wara tant snin minbarra li jinkiseb rekord ta’ sitt punti u żewġ rebħiet fil-grupp.

Ray Farrugia jittama li jkompli bil-proġett tiegħu li jintroduċi ż-żgħażagħ għaliex hu jemmen li din hi l-unika triq għall-futbol Malti biex jagħmel progress. Il-kuntratt ta’ Farrugia jiskadi fi tmiem is-sena u għalhekk jittama li jilħaq dan it-tragward li jpoġġi bażi għall-futur.

Farrugia kompla fil-konferenza stampa li Malta u l-Gżejjer Faroe huma tampar xulxin iżda r-rebħa f’Ta’ Qali ftit xhur ilu tfisser li t-tim Malti għandu vantaġġ psikoloġiku. Għalhekk hu żied li minħabba l-importanza tal-logħba għaż-żewġ nazzjonijiet, din il-logħba se tkun aktar diffiċli.

Mil-logħba preċedenti, Farrugia se jkun qed jagħmel tibdil. Il-veteran Michael Mifsud se jkun qiegħed jibda mill-bidu flimkien ma’ Steve Borg, żewġ plejers li ma lagħbux fl-aħħar logħba kontra l-Iżvezja. Hu kkonferma li Rowen Muscat jinsab tajjeb biex jilgħab wara li weġġa’ l-għaksa kontra l-Iżvezja. Paul Fenech u Jonathan Caruana huma żewġ plejers oħra li mistennija jibdew mill-bidu wara li daħlu jilagħbu fit-tieni taqsima s-Sibt li għadda.

Farrugia għamel referenza wkoll għal Michael Mifsud fejn qal li hu plejer li għadu rispettat madwar l-Ewropa u jixtieq li jkollu żewġ plejers bħalu fit-tim. L-attakkant Malti qal li għalih hu ta’ unur li għadu qed jiġi kkunsidrat fit-tim nazzjonali iżda saħaq li l-importanti hu li t-tim Malti jikseb ir-riżultat mixtieq.