Internazzjonali

Renju Unit: L-attivisti favur il-klima jisfidaw projbizzjoni għal dimostrazzjonijiet f’Londra

L-attivisti mal-moviment Extinction Rebellion fir-Renju Unit qegħdin ikomplu bid-dimostrazzjonijiet għall-ħarsien tal-klima minkejja li l-Pulizija ħarġet direttiva biex jieqfu l-protesti f’Londra. Id-direttiva ngħatat wara ġimgħa ta’ diżubbidjenza ċivili fil-kapitali fejn l-attivisti jridu jiġġeneraw attenzjoni akbar dwar il-bidliet għall-klima.

L-istqarrija mill-pulizija għamlitha ċara li huma ma kenux se jippermettu aktar dimostrazzjonijiet u attivitajiet assoċjati ma’ Extinction Rebellion fiċ-ċentru ta’ Londra. Dan meta tal-anqas 1,445 persuna spiċċaw arrestati waqt l-aħħar protesti. Intant, l-attivisti qalu li se jisfidaw il-projbizzjoni li fissruha bħala mhix konformi mal-liġi

Il-moviment ‘Extinction Rebellion’ qed juża d-diżubbidjenza ċivili biex jenfasizza t-theddida mill-bidliet fil-klima, minbarra r-ritmu aċċellerat li bih id-dinja qed titlef dejjem aktar speċi ta’ pjanti u annimali.

Kelliema għall-moviment sadanittant ħeġġew biex il-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati jappoġġjaw l-għanijiet tal-attivisti li skont huma qegħdin isiru fl-aħjar interessi tal-pjaneta tagħna