GŻEJJER FAROE……………….. 1
G. Nielsen, H. Vatnsdal, A. Gregersen, R. Baldvinsson, J. Joannes Kalsoe Danielsen, B. Hendriksson, H. Hansson, V. Davidsen (A. Frederiksberg 85’), S. Vatnhamar, J. Bjartalid (K. Olsen 65’), J. Edmundsson (M. Egilsson 93’)
MALTA……………………………. 0
H. Bonello, Z. Muscat, S. Borg, A. Agius, J. Mbong, D. Vella, P. Fenech (L. Gambin 72’), R. Muscat (J. Zerafa 80’), J. Grech, M. Mifsud (A. Effiong 72’), K. Nwoko
Imwissija: J. Mbong 22’, S. Borg 75’ (M)
Skorja: R. Baldvinsson 71’ (G)
Referee: José María Sánchez (Spanja)
Assistenti Referees: Raúl Cabañero, Roberto Alonso (Spanja)
Gowl fit-tieni taqsima kkundanna lit-tim Malti għas-seba’ telfa konsekuttiva fi Grupp F b’telfa ta’ 1-0 kontra l-Gżejjer Faroe. Riżultat diżappuntanti anki għaliex l-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia saħaq ħafna dwar l-importanza ta’ dan il-konfront. Il-fatt li t-tim Malti ħareġ tellief, ikabbar id-diżappunt tal-grupp kollu. B’din it-telfa, saret aktar diffiċli li t-tim Malti jtemm dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni b’aktar minn ħames punti u b’żewġ rebħiet u saret aktar diffiċli li t-tim Malti jevita l-aħħar post.
Dan kien it-tmien dwell bejn il-Gżejjer Faroe u Malta, bit-tim Malti rebaħ żewġ konfronti biss, b’wieħed minnhom ikun f’Marzu li għadda f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni. B’hekk din ir-rebħa titqies bħala tpattija sportiva għat-tim ta’ Lars Olsen.
Fl-ewwel taqsima l-prestazzjoni kienet sodisfaċenti iżda fit-tieni taqsima t-tim Malti kien aktar difensiv u meta sofra l-gowl ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex joħloq azzjonijiet perikolużi. Il-logħba ma laħqitx xi livell spettakolari iżda t-tnejn qagħdu attenti li ma jissugrawx ħafna. L-irwol li ngħata Michael Mifsud ma kienx effettiv anki għaliex ġie mibdul meta t-tim Malti mar minn taħt. Prestazzjoni sodisfaċenti għal diversi plejers fosthom id-difensuri ċentrali Steve Borg u Andrei Agius kif ukoll Dunstan Vella u Jake Grech li iżda sfuma aktar fit-tieni taqsima.
L-ewwel azzjoni seħħet fl-ewwel minuta b’Zach Muscat isib lil Rowen Muscat fuq il-lemin u niżżel lejn Jake Grech li prova b’xutt fuq il-ġirja iżda t-tentattiv għadda għoli. It-tim Malti kien aktar dirett fl-ewwel minuti u beda joqrob aktar lejn il-lasta avversarja. Kien fl-14-il minuta li l-Gżejjer Faroe ħolqot l-ewwel periklu b’ Joan Simun Edmundsson ma jolqotx tajjeb minn kross mil-lemin. Disa’ minuti wara, Hallur Hansson falla okkażjoni tajba meta minn free-kick fuq it-tieni lasta, daħal tajjeb iżda xeħet barra b’daqqa ta’ ras mill-viċin.
L-ewwel taqsima kienet qed toffri aktar pussess f’nofs il-grawnd milli azzjonijiet u kien fil-35 minuta li t-tim Malti seta’ għamel aħjar f’kontrattakk li minnu Michael Mifsud qassam lejn Jake Grech iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien fjakk u salvat mingħajr problemi. Minuta wara, Joseph Mbong kien kuraġġuż fuq Soelvi Vatnhamar meta blokka tajjeb minn kross mix-xellug, bil-ballun jispiċċa ftit barra. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, azzjoni tajba Maltija meta Steve Borg għadda vertikalment qassam lejn Grech li kompla lejn Kyrian Nwoko li ppożizzjona ruħu għax-xutt iżda t-tentattiv kien blokkat.
Il-Gżejjer Faroe ħarġet aħjar fit-tieni taqsima u bdiet tpoġġi aktar pressjoni fuq it-tim Malti li ma kienx qed ikompli joħloq periklu. Għalkemm ma kinux perikolużi ħafna, l-avversarji żiedu fil-pussess u tefgħu lit-tim Malti jiddefendi aktar. Fis-66 minuta, Henry Bonello wettaq l-ewwel save perikoluż meta minn kross ta’ Joannes Kalsoe Danielsen, il-ballun ħabat ma’ Hansson u ġie salvat tajjeb minn Bonello.
Il-gowl deċiżiv wasal fit-72 minuta, għal darba oħra minn sitwazzjoni wieqfa. Kien korner mil-lemin, Bonello kien ħiereġ u rtira lura, b’ROGVI BALDVINSSON jogħla qabel Joseph Mbong u skorja b’daqqa ta’ ras.
Mal-gowl, Ray Farrugia daħħal lil Luke Gambin u Alfred Effiong flok Paul Fenech u Michael Mifsud, iżda l-unika reazzjoni Maltija waslet tliet minuti wara b’xutt bid-dawra ta’ Kyrian Nwoko li għadda ftit għoli. Fit-92 minuta t-tim Malti għal ftit ma sofriex it-tieni gowl minn żball difensiv, b’Henry Bonello jsalva tajjeb ix-xutt fil-baxx tas-sostitut Klaemint Olsen. Lejn it-tmiem xutt minn barra l-kaxxa ta’ Andrei Agius għadda barra.
//= $special ?>