Sport Waterpolo

Sliema jħabbru l-akkwist ta’ Valentino Gallo għas-sajf li ġej

(Ritratt: Martin Agius)

Sliema komplew juru l-intenzjonijiet tagħhom għall-istaġun tas-sena d-dieħla hekk kif ħabbru lit-Taljan Valentino Gallo bħala wieħed mill-barranin għas-sena d-dieħla. Dan l-akkwist jingħaqad ma’ dak tal-gowlkiper Nicky Grixti u John Brownrigg hekk kif Sliema se jkunu qed jippruvaw itejbu t-tieni post miksub dan l-istaġun.

Gallo lagħab f’pajjiżna għall-ewwel darba f’dan is-sajf ma’ Sirens u ħalla impressjoni tajba. Fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna, il-plejer xellugi skorja 16-il gowl fir-rawnd preliminari, 32 gowl fil-kampjonat, 6 gowls fin-knock-out u tliet gowls fil-play-offs għal total ta’ 57 gowl.

Il-plejer ta’ 34 sena f’dan is-sajf ħalla lil AN Brescia iżda baqa’ fl-ogħla diviżjoni Taljana u beda esperjenza ma’ Ortigia. Hu skorja doppjetta fl-ewwel logħba tal-kampjonat hekk kif Ortigia għelbu lil Iren Quinto 7-6.

Gallo lagħab għal snin twal fit-tim nazzjonali Taljan u fosthom lagħab fil-Kampjonat Ewropew li sar f’Barcelona fis-sajf li għadda. Hu kien parti mit-tim Taljan li fl-2011 rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja f’Shanghai, spiċċa fit-tieni post fil-Kampjonat Ewropew tal-2014 f’Budapest, spiċċa t-tieni fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 u t-tielet fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016.