Internazzjonali

Spanja: Jemmen li hu ‘inevitabbli’ referendum ieħor dwar il-Katalonja

Il-mexxej separatista li weħel l-akbar sentenza ta’ ħabs għar-rwol biex il-Katalonja tinqata’ mill-kumplament ta’ Spanja qal li huwa inevitabbli referendum ġdid dwar l-indipendenza tar-reġjun.

Il-Qorti Suprema ta’ Spanja, fil-bidu tal-ġimgħa, ikkundannat lil Oriol Junqueras, l-eks viċi-kap tal-gvern reġjonali Katalan, għal 13-il sena priġunerija b’ separatisti oħrajn Katalani ukoll jeħlu l-ħabs għal sehemhom fir-referendum fallut tal-2017 għal Katalonja indipendenti.

Il-kundanni rriżultaw fi protesti kbar madwar Katalonja, b’Junqueras iwassal messaġġ mill-ħabs, li hu ma jiddispjaċih xejn li kien organizza r-referendum għal reġjun indipendenti.

Hu jinsab konvint li, illum jew għada, irid isir referendum ġdid f’Katalonja  għaliex mingħajru ċ-ċittadini jkunu mċaħħdin minn leħen fil-kwistjoni.

Oriol Junqueras u xi kollegi beħsiebhom jappellaw dwar il-priġunerija tagħhom lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani fi Strasbourg. Dan meta Junqueras enfasizza li s-sentenzi li ngħatawlhom b’konnessjoni ma’ rewwixta kontra l-Istat servew biss biex isaħħu l-moviment tas-separatisti Katalani.