Futbol Sport

Spanja tevita telfa lejn it-tmiem u tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: EPA)
L-Italja tibqa’ b’punti massimi u l-Finlandja qrib kwalifikazzjoni storika

Spanja evitat telfa lejn it-tmiem fi draw ta’ 1-1 kontra l-Iżvezja biex aċċertat mill-kwalifikazzjoni. MARCUS BERG kien poġġa lill-Iżvediżi minn fuq fil-50 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara li David De Gea kien salva tajjeb parzjalment daqqa ta’ ras minn ftit passi bogħod tal-istess Borg. Spanja ġabet id-draw fit-92 minuta b’RODRIGO jxellef għal ġewwa xutt fil-baxx ta’ Fabian Ruiz.

L-Italja baqgħet b’punti massimi wara tmien logħbiet meta b’tim kompletament mibdul għelbu lil Liechtenstein 5-0. L-Italja kellha bżonn biss żewġ minuti biex marret fil-vantaġġ b’xutt ta’ FEDERICO BERNARDESCHI minn qagħda ċentrali fil-kaxxa. ANDREA BELOTTI rdoppja fis-70 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner mil-lemin, biex fis-77 minuta kien id-difensur ALESSIO ROMAGNOLI li kabbar il-vantaġġ b’daqqa ta’ ras mill-viċin. L-iskor sar 4-0 fit-82 minuta b’passaġġ intelliġenti ta’ Bryan Cristante lejn STEPHAN EL SHAARAWY li xeħet fix-xibka minn pożizzjoni ideali. ANDREA BELOTTI ssiġilla r-rebħa fit-92 minuta b’daqqa ta’ ras oħra wara kross mil-lemin.

Il-Finlandja tinsab qrib li tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew għall-ewwel darba b’rebħa ta’ 3-0 kontra l-Armenja. FREDRIK JENSEN fetaħ l-iskor fil-31 minuta, bl-attakkant TEEMU PUKKI jirdoppja fil-61 minuta biex l-istess plejer għalaq il-logħba bit-tielet gowl fit-88 minuta.

Ir-Rumanija kienet imċaħħda minn rebħa importanti wara li sofriet gowl lejn it-tmiem kontra n-Norveġja. George Puscas falla penalty fit-52 minuta iżda r-Rumanija fetħet l-iskor għaxar minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ ALEXANDRU MITRITA. Iżda kien fit-92 minuta li n-Norveġja salvat il-logħba b’daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ ALEXANDER SOERLOTH wara kross mil-lemin.

Il-Bożnija sofriet telfa ta’ 2-1 kontra l-Greċja li tista’ tkun determinanti biex ma tikkwalifikax għall-Kampjonat Ewropew. EVANGELOS PAVLIDIS poġġa lit-tim Grieg fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob b’azzjoni mill-kaxxa, iżda ħames minuti wara AMER GOJAK ġab id-draw meta kompla għal ġewwa minn kross mix-xellug. Il-gowl deċiżiv wasal fit-88 minuta meta d-difensur Adnan Kovacevic xellef kross mil-lemin fix-xibka tiegħu stess.

Minn Grupp D, l-Iżvizzera kisbet rebħa importanti ta’ 2-0 kontra l-Irlanda. HARIS SEFEROVIC fetaħ l-iskor fis-16-il minuta. Ricardo Rodriguez falla penalty fis-77 minuta wara li tkeċċa Seamus Coleman, iżda fid-90 minuta Shane Duffy tefa’ fix-xibka tiegħu stess.

Mill-istess, Ġibiltà kienet viċin li tikseb punt kontra Georgia iżda tilfet 3-2. GIORGI KHARAISHVILI u JABA KANKAVA taw vantaġġ doppju lil Georgia fl-ewwel 21 minuta iżda LEE CASCIARO fis-66 minuta u ROY CHIPOLINA tmien minuti wara ġabu d-draw. Kien GIORGI KVILITAIA li skorja l-gowl tar-rebħa fl-84 minuta.

Minn Grupp G, l-Iżrael żammet it-tamiet żgħar li tikkwalifika b’rebħa ta’ 3-1 kontra l-Latvja. MUNAS DABBUR fetaħ l-iskor fis-16-il minuta u ERAN ZAHAVI rdoppja għaxar minuti wara. VLADIMIRS KAMESS naqqas id-distakk fl-40 minuta iżda reġa’ kien MUNAS DABBUR li għamel l-iskor 3-1 żewġ minuti wara.

Riżultati kollha

Grupp D: Ġibilta v Georgia 2-3, Żvizzera v Irlanda 2-0

Grupp F: Gżejjer Faroe v Malta 1-0, Rumanija v Norveġja 1-1, Żvezja v Spanja 1-1

Grupp G: Iżrael v Latvja 3-1

Grupp J: Finlandja v Armenja 3-0, Greċja v Bożnija 2-1, Liechtenstein v Italja 0-5